Standardizzazzjoni - monitoraġġ tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili

THIS PAGE IS ALSO AVAILABLE IN:

L-istandardizzazzjoni, il-monitoraġġ tal-mod li bih kull Stat Membru japplika r-regoli komuni tal-UE dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni, hija waħda mill-kompiti ewlenin tal-EASA. Kull Stat Membru waqqaf Awtorità waħda jew aktar responsabbli mis-sorveljanza tas-sikurezza tal-attivitajiet tal-avjazzjoni ċivili fit-territorju tiegħu. Ġew stabbiliti attivitajiet ta’ standardizzazzjoni tal-EASA biex jiġi żgurat li:

  • il-pubbliku li jivvjaġġa jgawdi minn livell għoli u uniformi ta’ sikurezza tal-avjazzjoni fl-UE kollha,
  • l-industrija tal-avjazzjoni tal-UE tibbenefika minn kondizzjonijiet ekwi (is-suq uniku tal-UE),
  • l-approvazzjonijiet u ċ-ċertifikati maħruġa minn Awtoritajiet tal-UE jiġu rikonoxxuti b’mod reċiproku u jkunu fdati, u 
  • s-sistema Ewropea tiġi rikonoxxuta mis-sħab internazzjonali tagħha.

Liema pajjiżi / stati huma parti mis-sistema?

L-EASA twettaq attivitajiet ta’ standardizzazzjoni fl-Istati Membri kollha tal-UE, kif ukoll fl-Iżvizzera, fin-Norveġja u fl-Iżlanda. Ċerti Stati mhux tal-UE li japplikaw ir-regoli tas-sikurezza tal-avjazzjoni tal-UE f’oqsma speċifiċi huma soġġetti wkoll għal spezzjonijiet.

Ara l-iskematika li tispjega liema stati jiġi spezzjonati taħt liema bażi legali (ikklikkja fuq l-immaġni biex tiftaħ bħala PDF). 

Stati STD

Attivitajiet ta’ standardizzazzjoni – xi jkopru?

L-Aġenzija twettaq żewġ tipi ta’ attivitajiet, kif definit fir-Regolament dwar l-Istandardizzazzjoni:  

  • Spezzjonijiet tal-Awtoritajiet nazzjonali, imwettqa minn timijiet multinazzjonali ta’ esperti tal-avjazzjoni. Tali spezzjonijiet normalment jinkludu kampjun ta’ organizzazzjonijiet (linji tal-ajru, organizzazzjonijiet tal-manutenzjoni, eċċ.) li jaqgħu taħt is-sorveljanza tal-Awtorità spezzjonata.
  • Monitoraġġ kontinwu tal-applikazzjoni tar-regolamenti tal-UE dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni minn Awtoritajiet nazzjonali. Tali attivitajiet ta’ monitoraġġ kontinwu (CMA) huma bbażati fuq valutazzjoni mmexxija mid-data tal-kapaċità tal-Awtoritajiet li jeżerċitaw ir-responsabbiltajiet tagħhom ta’ sorveljanza tas-sikurezza, bl-użu ta’ firxa wiesgħa ta’ data miġbura minn diversi sorsi nazzjonali u internazzjonali.

L-attivitajiet ta’ monitoraġġ kontinwu huma l-element ġenerali: jiddeterminaw il-prijoritizzazzjoni, il-frekwenza u l-ambitu tal-ispezzjonijiet ta’ standardizzazzjoni, bl-għajnuna ta’ għodda ta’ appoġġ għad-deċiżjonijiet (il-“Mudell ta’ Standardizzazzjoni”) li tuża d-data kollha miġbura biex tiġi ddeterminata “klassifikazzjoni ta’ standardizzazzjoni” għal kull Stat Membru f’kull qasam tal-avjazzjoni.

Hemm aktar fir-rigward tal-Istandardizzazzjoni

Minbarra l-ispezzjoni u l-monitoraġġ, parti sinifikanti mill-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni tal-EASA tiffoka fuq l-appoġġ u l-assistenza lill-Awtoritajiet nazzjonali tal-UE fit-twettiq tal-kompiti tagħhom biex iżommu ambjent sikur f’dak li jirrigwarda l-avjazzjoni ċivili fil-pajjiżi tagħhom. 

Il-Koordinaturi Nazzjonali tal-Istandardizzazzjoni mill-Istati kollha jiltaqgħu flimkien fuq bażi regolari biex jikkondividu ideat u prattika tajba, jiddiskutu dwar l-isfidi, u jgħinu biex tinżamm kultura ta’ standardizzazzjoni b’saħħitha u ġusta. 

Il-fażijiet tal-ispezzjoni

Kull spezzjoni ta’ standardizzazzjoni tinqasam fi tliet fażijiet: il-fażijiet STD

  • il-fażi preparatorja,
  • il-fażi taż-żjara, u
  • l-fażi ta’ rappurtar u ta’ segwitu.

Il-proċeduri, il-linji gwida u l-għodod jiżguraw li l-ispezzjonijiet kollha jsegwu l-istess approċċ u jkollhom il-livell xieraq ta’ skrutinju.

Ara l-ħarsa ġenerali rigward x’inhu kopert (ikklikkja fuq l-immaġni biex tiftaħ bħala PDF). 

 

Adattar għal sfidi ġodda: Il-COVID-19

Matul il-pandemija tal-COVID-19, l-EASA kellha tikkunsidra mill-ġdid il-mod kif twettaq l-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni tagħha. Hekk kif ġew stabbiliti restrizzjonijiet sinifikanti fuq l-ivvjaġġar u l-laqgħat, l-Aġenzija ffokat mill-ġdid il-prijoritajiet tagħha fuq il-monitoraġġ kontinwu, sabiex tidentifika u tindirizza kwalunkwe kwistjoni emerġenti ta’ sikurezza bħala konsegwenza tal-kriżi. L-għarfien espert tal-ispetturi ta’ standardizzazzjoni ġie wkoll skjerat mill-ġdid biex jipprovdi appoġġ lill-Awtoritajiet nazzjonali, bħala parti mill-proġett tal-Aġenzija “Ritorn għal Operat Normali (Return to Normal Operation, RNO)”. 

B’mod parallel, l-Aġenzija żviluppat metodoloġija biex twettaq spezzjonijiet ta’ standardizzazzjoni mill-bogħod, li jippermettu t-tkomplija tal-ispezzjonijiet. L-ispezzjonijiet mill-bogħod huma metodu ta’ ħidma ġdid fejn l-interazzjoni bejn l-EASA u l-Awtorità spezzjonata sseħħ bl-użu ta’ teknoloġiji moderni. Rieżami ta’ dokumenti u reġistrazzjonijiet, intervisti mal-membri tal-persunal u osservazzjonijiet diretti, iseħħu permezz ta’ konnessjoni mill-bogħod, bl-użu ta’ għodod ta’ kommunikazzjoni xierqa ta’ awdjo u vidjo, kif ukoll kondiviżjoni online ta’ fajls u data.

Iltaqa’ mat-timijiet ta’ spezzjoni!

L-EASA u l-membri tal-persunal tal-Awtoritajiet nazzjonali qed jaħdmu flimkien mill-qrib matul l-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni, u qed jiffurmaw sħubija b’saħħitha.

It-timijiet ta’ spezzjoni jitmexxew minn tim tal-EASA, bi spetturi kkwalifikati mill-EASA u Awtoritajiet nazzjonali oħra li jikkomplementaw it-tim u jikkontribwixxu permezz tal-għarfien espert tagħhom għan-network tal-istandardizzazzjoni. F’sena tipika, l-EASA twettaq madwar 100 spezzjoni ta’ standardizzazzjoni fl-Istati Membri tal-UE kollha, li jinvolvu madwar 40 membru tal-persunal u bl-appoġġ ta’ madwar 100 membru tat-tim issekondati minn Awtoritajiet nazzjonali.

Taħriġ komprensiv u programmi ta’ kwalifiki jiżguraw li t-timijiet ta’ standardizzazzjoni iżommu l-livell meħtieġ ta’ għarfien espert biex iwettqu dawn l-attivitajiet.

Il-membri tal-persunal tal-EASA involuti fl-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni jinsabu fid-Direttorati Eżekuttivi tal-Istandards tat-Titjir tal-EASA.

L-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni kollha jiġu kkoordinati mill-Koordinatur Prinċipali, li jirrapporta lid-Direttur tal-Istandards tat-Titjir u huwa appoġġat minn tim li jinsab fl-Uffiċċju tad-Direttur (ikklikkja fuq l-immaġni biex tiftaħ bħala PDF).  

Ċart org STD