Il-Fjuwil tal-Avjazzjoni Sostenibbli

THIS PAGE IS ALSO AVAILABLE IN:

L-EASA hija impenjata biex tiffaċilita l-użu tal-Fjuwils tal-Avjazzjoni Sostenibbli (SAFs) fl-industrija tal-avjazzjoni. Fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi disponibbli immedjatament li jissostitwixxu kompletament l-inġenji tal-ajru konvenzjonali, l-użu tas-SAF jippermetti tnaqqis notevoli tal-impatt ambjentali tal-avjazzjoni fuq terminu qasir sa medju waqt li tintuża l-flotta globali eżistenti.

Hija l-aspettattiva tal-EASA li s-SAF se jkollu rwol fit-twettiq tal-viżjoni li l-Ewropa ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050.

Ir-rrwol tal-EASA fis-SAF

Bħala regolatur tal-avjazzjoni, l-EASA hija involuta fil-proċess tal-approvazzjoni tas-SAF li jiżgura li jiġu ssodisfati l-istandards assoċjati tal-ajrunavigabbiltà.  Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea pprevediet rwol aktar attiv għall-EASA fil-kuntest tal-proposta leġiżlattiva ReFuelEU Aviation li għandha l-għan li żżid kemm il-provvista kif ukoll id-domanda għas-SAF kif propost fil-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %”.

Ir-rapport ambjentali tal-EASA (EAER) ippubblikat fl-2019 flimkien ma’ żewġ rapporti oħra tal-EASA, ippubblikati fl-2020, dwar il-monitoraġġ tas-SAF u l-iffaċilitar tas-SAF appoġġaw lill-Kummissjoni Ewropea fit-tfassil tal-inizjattiva ReFuelEU Aviation.

Bħalissa l-EASA qed tħejji l-ħarġa li jmiss tal-EAER li se tkun lesta għall-pubblikazzjoni fl-2022.

X’inhuma l-fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli?

Hemm varjetà ta’ mezzi ta’ produzzjoni għas-SAF b’diversi materji primi differenti disponibbli. Il-materja prima tirreferi għas-sors li minnu jiġi prodott il-fjuwil. Hawnhekk hawn ftit eżempji.

Container  

L-iskart solidu muniċipali: iva, l-iskart tagħna! Dan jinkludi l-imballaġġ tal-prodott, l-iskart tal-ġonna, l-iskart tal-ikel, l-iskart tal-karta u l-lista tkompli.

trees  

L-iskart taċ-ċelluloża: fdalijiet li jirriżultaw mill-industrija agrikola u tal-forestrija, skart taċ-ċelluloża li kieku kien jintrema.

cooking oil  

Iż-żejt tat-tisjir: jekk jiġi użat u ma jkunx għadu tajjeb għall-ikel, jista’ jintuża bħala materja prima għas-SAF.

Algee   L-għelejjel u l-pjanti: Bħall-camelina, l-algi, il-ħaxix tal-marġ u aktar.
Power-Hydrogen  

L-Enerġija u l-Idroġenu: l-elettriku rinnovabbli, l-ilma u d-diossidu tal-karbonju (CO2) użati għall-produzzjoni tal-idroġenu permezz tal-elettroliżi tal-ilma (użati fil-proċess tal-Enerġija għal-Likwidu).

X’jista’ jgħin biex jiżdied l-użu tas-SAF fl-avjazzjoni?

  • Il-kompetittività tal-prezzijiet: biex l-użu tas-SAF isir alternattiva reali għall-fjuwil konvenzjonali.
  • L-iżgurar tas-sostenibbiltà: l-użu biss ta’ fjuwils u ta’ materja prima li ma jaffettwawx b’mod negattiv il-provvista tal-ikel u l-ekosistemi, b’sistema robusta fis-seħħ ta’ ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà.
  •  Xenarju ta’ politika armonizzata li jiżgura kundizzjonijiet ekwi għal kulħadd.
  • L-issodisfar tar-rekwiżiti tekniċi: l-istandards tal-ispeċifikazzjoni tal-fjuwil jeħtieġ li jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-sikurezza u tal-użu tal-inġenji tal-ajru li diġà qed jintużaw u tal-inġenji tal-ajru tal-ġenerazzjoni futura.
  • Il-bijokarburant: id-disponibbiltà tal-materja prima tal-bijomassa, u l-evitar ta’ kwalunkwe tibdil potenzjali fl-użu tal-art.

Kemm huma sostenibbli dawn il-fjuwils?

Diversi aspetti jaffettwaw il-prestazzjoni ambjentali tal-fjuwils matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom. SAFs differenti jista’ jkollhom impatti ambjentali differenti ħafna skont il-mezzi tal-produzzjoni u l-materja prima. 

L-applikazzjoni ta’ approċċ olistiku li jqis l-emissjonijiet kollha matul il-ħajja ta’ fjuwil, it-tnaqqis ġenerali tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tul iċ-ċiklu tal-ħajja bl-użu tas-SAF jista’ jkun għoli daqs 70 % jew aktar minn 90 % meta mqabbel mal-fjuwil fossili tal-ġettijiet.

Segwina fuq EASA Pro għal aktar informazzjoni.