Lesti għall-Mira ta’ 55 % u ReFuelEU Aviation

THIS PAGE IS ALSO AVAILABLE IN:

ReFuelEUL-UE stabbiliet miri ambizzjużi biex tnaqqas l-emissjonijiet netti bil-għan li ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050. 

Għanijiet u stadji importanti dettaljati huma stipulati fl-ewwel Liġi Ewropea dwar il-Klima u fil-pakkett “Lesti għall-Mira ta’ 55 %”, u jistabbilixxu mira inizjali ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ 55 % fl-2030 (meta mqabbel mal-livell fl-1990).

Ikkompilajna informazzjoni dwar kif dan se jkollu impatt fuq it-trasport bl-ajru, u b’mod speċifiku r-rwol importanti li se jkollhom il-fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli.

It-tisħiħ tal-użu tal-SAF fit-trasport bl-ajru

Bħala parti mill-pakkett “Lesti għall-Mira ta’ 55 %”, il-Kummissjoni pproponiet li ttejjeb l-użu tal-fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli (SAF) fit-trasport bl-ajru.

L-SAF għandhom rwol sinifikanti fid-dekarbonizzazzjoni tas-settur, iżda attwalment is-sehem tagħhom fl-avjazzjoni tal-UE huwa negliġibbli.

Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar il-Fjuwils tal-Avjazzjoni Sostenibbli, fl-artiklu preċedenti tagħna fuq EASA Light.

It-titjiriet kollha mill-ajruporti tal-UE se jużaw l-SAF

Ir-regoli proposti stabbilew obbligi armonizzati fil-livell tal-UE dwar il-fornituri tal-fjuwil u l-linji tal-ajru sabiex iżidu l-użu tal-SAF, billi introduċew mandat li japplika għat-titjiriet kollha li jitilqu mill-ajruporti Ewropew.

Dan ifisser li kull titjira li titlaq mill-ajruporti l-aktar kbar tal-UE, se ġġorr ammont minimu ta’ SAF, irrelevanti jekk il-linja tal-ajru tkunx linja tal-ajru tal-UE jew le.

It-tabella hawn taħt turi l-miri vinkolanti tal-SAF, li jibdew minn 2 % fl-2025 u jilħqu l-5 % fl-2030.

Sabiex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi tal-UE, huwa mistenni li sal-2050, tal-inqas 63 % tal-fjuwil kollu tal-avjazzjoni li jintuża għat-titjiriet li jitilqu minn ajruporti tal-UE għandu jkun SAF.

Fjuwils sintetiċi (jew e-fjuwils) se jkollhom rwol maġġuri fid-dekarbonizzazzjoni tas-suq tat-trasport bl-ajru u għandhom potenzjal enormi. Ir-regoli proposti għaldaqstant jistabbilixxu sottomira biex jiġi żgurat li ċertu ammont ta’ SAF użat ikun fjuwils sintetiċi (ara r-referenza ekoloġika fit-tabella).

Ishma totali fit-taħlita tal-fjuwils

  2025 2030 2032 2035 2040 2045 2050
Perċentwal ta’ SAF użat fit-trasport bl-ajru: 2% 6% 6% 20% 34% 42% 70%
Li minnu: Fjuwils sintentiċi (jew e-fjuwils) sottomandati: - 0.7% 1.2% 5% 10% 15% 35%

X’tipi ta’ SAFs huma kkunsidrati?

Meta wieħed iħares lejn il-firxa ta’ SAFs u l-materja prima rispettiva tagħhom, ir-regolament jikkunsidra l-kategoriji tal-SAF li ġejjin:

  • Dawk l-imsejħa bijofjuwils, li huma fjuwils prodotti minn materja prima elenkata fl-Anness IX, Parti A tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli
  • Fjuwils prodotti minn materja prima elenkata fil-Parti B
  • Fjuwils tal-Avjazzjoni Sintetiċi (Mill-Elettriku għal Fjuwil Likwidu jew e-fjuwils)

Il-fjuwils jeħtieġu wkoll ikunu konformi mal-kriterji ta’ sostenibbiltà u tal-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra stipulati fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli.

Fjuwils tal-Avjazzjoni Sintetiċi (jew e-fjuwils)

Il-fjuwils sintetiċi, l-e-fjuwils jew il-fjuwils Mill-Elettriku għal Fjuwil Likwidu (PtL) huma fjuwils magħmula minn sorsi rinnovabbli li mhumiex biomassa, eż. enerġija eolika u solari. Bħala spjegazzjoni bażika, l-enerġija rinnovabbli u l-ilma jintużaw f’elettrolizzatur biex jipproduċu l-idroġenu, li sussegwentement jiġi sintetizzat b’CO2 f’gass sintetiku. Il-gass sintetiku li jirriżulta jkompli jiġi pproċessat fi fjuwil.

Politika fit-tul għal SAF

Peress li dan jirrappreżenta sfida importanti, l-objettiv tar-Regolament propost huwa li jipprovdi politika fit-tul biex jiġi żgurat li s-suq uniku tal-avjazzjoni jkun mgħammar sew għat-taħlit obbligatoru tal-SAF f’pitrolju konvenzjonali u jipprovdi l-ispinta meħtieġa għall-investimenti biex tiżdied il-kapaċità tal-produzzjoni tal-SAF.

Il-kompitu tal-EASA – monitoraġġ u rapportar

Fi ħdan din il-proposta, l-EASA għandha l-kompitu li twettaq kompiti ta’ monitoraġġ u rapportar li se jiżguraw li jintlaħqu l-obbligi u li se jipprovdu għarfien dwar is-suq tal-SAF li dejjem jevolvi u jikber.

Dan ir-regolament se jkun pilastru importanti biex l-avjazzjoni ssir adegwata għall-futur billi jiżgura suq li jiffunzjona sew u li jipprovdi mobilità sostenibbli għall-benefiċċji taċ-ċittadini. Se jpoġġi lill-UE bħala l-mexxej globali dwar il-fjuwils tat-trasport mill-aktar avvanzati u, aktar importanti, se joffri benefiċċji klimatiċi sostanzjali permezz ta’ ffrankar sinifikanti fl-emissjonijiet fis-settur.