Is-sostenibbiltà fil-fażi ta’ tmiem il-ħajja ta’ inġenji tal-ajru

X’jiġri wara li l-ajruplani jtiru l-aħħar vjaġġ tagħhom

THIS PAGE IS ALSO AVAILABLE IN:

Fir-rigward tas-sostenibbiltà fl-avjazzjoni, hemm fokus kbir fuq il-fażi operattiva ta’ ajruplan, jiġifieri, meta l-ajruplan ikun qed itir u jieħu passiġġieri jew merkanzija lejn id-destinazzjonijiet tagħhom. Tabilħaqq, din il-fażi tirrappreżenta l-akbar impatt ambjentali, minħabba l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u l-istorbju ġġenerat. Iżda l-fażijiet tal-produzzjoni u ta’ tmiem il-ħajja wkoll għandhom impatt ambjentali – u għaldaqstant joffru potenzjal għal titjib.   

Minħabba li l-fażi ta’ tmiem il-ħajja ta’ inġenju tal-ajru hija qasam li kien għadu ma ġiex studjat fil-fond, l-EASA kkuntrattat studju dwar dan is-suġġett. Dan irriżulta fir-rapport Assessment of the environmental sustainability status in the Aviation Maintenance and Production Organisation Domain (Valutazzjoni tal-istatus tas-sostenibbiltà ambjentali fil-Qasam tal-Organizzazzjonijiet tal-Manutenzjoni u tal-Produzzjoni fl-Avjazzjoni), li ġie ppubblikat fl-2023.

Għalfejn u meta “jirtiraw” l-inġenji tal-ajru 

Sezzjoni ta’ inġenji tal-ajru fil-fażi ta’ żmantellar. (Envisa, 2022)
Sezzjoni ta’ inġenji tal-ajru fil-fażi ta’ żmantellar (Envisa, 2022)

L-inġenji tal-ajru jinħarġu mill-operat għal żewġ raġunijiet ewlenin: raġunijiet ta’ sigurtà jew ekonomiċi. L-età medja tal-irtirar ta’ inġenji tal-ajru hija ta’ 25-30 sena għall-inġenji tal-ajru tal-passiġġieri u ta’ 30-40 sena għall-ajruplani tal-merkanzija. L-inġenji tal-ajru jitqiesu bħala skart ladarba tittieħed deċiżjoni finali ta’ dekummissjonar u jiġi applikat l-ewwel qtugħ għall-istruttura, li jfisser li ma jerġgħux itiru mill-ġdid. 

Madwar id-dinja, medja ta’ 650 inġenju tal-ajru kummerċjali ġew irtirati kull sena matul id-deċennju preċedenti u aktar minn 30 % tal-flotta attwali fl-Ewropa hija mistennija li tirtira matul id-deċennju li ġej. Għalhekk, l-isfruttar ta’ inġenju tal-ajru ddekummissjonat għandu wkoll rwol fis-sostenibbiltà tal-avjazzjoni.

Il-ħajja wara l-irtirar

Wara d-dekummissjonar, l-inġenji tal-ajru jiġu żmantellati u jidħlu fis-settur tal-iskart, fejn il-materjali jiġu ppreparati biex jiġu riċiklati, trasformati għal użu mill-ġdid, użati għall-irkupru tal-enerġija jew jintbagħtu f’landfill. 

Użu mill-ġdid fl-avjazzjoni

Il-komponenti tal-inġenji tal-ajru li għadhom jista’ jsir servizz fuqhom jistgħu jerġgħu jintużaw bħala spare parts għal inġenji tal-ajru oħrajn, bħal magni, unitajiet ta’ potenza awżiljari, attrezzatura għall-inżul u komponenti oħrajn. Dan l-użu mill-ġdid jiġi influwenzat mid-disponibbiltà tar-reġistri tal-parts, li jiddetermina l-valur tagħhom u l-possibbiltà li jiġu inkorporati mill-ġdid fis-settur ajruspazjali. Biex jerġgħu jintużaw, dan it-tagħmir u l-parts ikunu jeħtieġu approvazzjoni valida.

Użu alternattiv f’negozju mhux tal-ivvjaġġar bl-ajru
Sezzjoni ta’ kabina ta’ inġenju tal-ajru li tkun għaddejja minn proċess għall-użu mill-ġdid bħala uffiċċju. (Envisa, 2022)
Sezzjoni ta’ kabina ta’ inġenju tal-ajru li tkun għaddejja minn proċess għall-użu mill-ġdid bħala uffiċċju (Envisa, 2022)

Użu alternattiv jirreferi għal użi għal skop differenti minn dak li għalih kienet maħsuba part. Meta jintużaw komponenti u sezzjonijiet ta’ inġenji tal-ajru għal użu alternattiv, il-prijorità hija li jiġu ppreservati l-forma u l-funzjoni, b’hekk il-valur jiġi ppreservat sal-ogħla livell. Xi eżempji ta’ użu mill-ġdid alternattiv huma:

  • taħriġ u edukazzjoni;
  • produzzjoni ta’ films, u produzzjonijiet televiżivi;
  • għamara;
  • spazji għal uffiċċji;
  • Oġġetti għall-kollezzjoni għal dilettanti tal-avjazzjoni;
  • użu ta’ parts f’xi industriji oħrajn, pereżempju, l-użu ta’ xfafar tat-turbini tal-magni li jistgħu jiġu integrati f’turbini tal-gass ibbażati fuq l-art.

Meta l-forma u l-funzjoni ma jkunux jistgħu jinżammu, il-fokus huwa li jiġu ppreservati l-proprjetajiet materjali. Eżempji ta’ żamma tal-proprjetajiet tal-materjal huma: 

  • upcycling tal-aluminju u t-titanju ta’ inġenji tal-ajru;
  • upcycling tal-gomma tat-tajers;
  • upcycling ta’ materja prima kritika ta’ importanza fundamentali fil-magni ġett.
Rimi f’landfill

Żona tal-landfill hija sit għar-rimi ta’ materjali ta’ skart. Skont il-ġerarkija tal-iskart tal-Unjoni Ewropea (UE), ir-rimi f’landfills huwa l-inqas għażla preferibbli u għandu jkun limitat għall-minimu meħtieġ. L-aħbar it-tajba: ġie ppruvat li l-inġenji tal-ajru attwali fi tmiem il-ħajja li jkunu jridu jintbagħtu f’landfill jistgħu jonqsu għal kważi żero.

Nuqqas ta’ linji gwida speċifiċi għal tmiem il-ħajja ta’ inġenju tal-ajru

Meta l-vetturi tat-triq, bħall-karozzi jew it-trakkijiet, jilħqu t-tmiem il-ħajja tagħhom, hemm direttivi speċifiċi tal-UE għall-ġestjoni tal-iskart li huma mmirati għal vetturi bħal dawn. Fil-każ tal-inġenji tal-ajru, ma hemm l-ebda regolament speċifiku.  Meta inġenju tal-ajru jilħaq l-istadju ta’ tmiem il-ħajja tiegħu, dan jitqies bħala assemblaġġ ta’ biċċiet ta’ skart, u għalhekk jiġi affettwat mil-leġiżlazzjonijiet ġenerali mmirati lejn l-iskart skont il-materjali użati. Pereżempju, ir-regolamenti tal-UE li jaffettwaw l-Iskart ta’ Tagħmir Elettriku u Elettroniku, l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ, Sustanzi Kimiċi, eċċ. jaffettwaw ukoll il-parts tal-inġenji tal-ajru. Barra minn hekk, id-Direttiva Qafas tal-UE dwar l-Iskart tinkludi elementi ġenerali tal-Ġestjoni tal-Iskart, bħall-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” u l-ġerarkija tal-iskart, li jaffettwaw il-ġestjoni tal-iskart fl-avjazzjoni.

Ekodisinn: sostenibbiltà u ċirkolarità mill-istadju tad-disinn

Attwalment ma hemm l-ebda rekwiżit uffiċjali li jirrikjedu lill-industrija tal-avjazzjoni biex tfassal prodotti ġodda b’kont meħud tal-irkupru tal-materjali waqt l-iskrappjar tal-inġenji tal-ajru. L-ekodisinn jinvolvi l-integrazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet ambjentali fil-fażijiet kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott, inkluż id-“disinn għad-dekummissjonar”.

  Karatterizzazzjoni tal-ekonomija ċirkolari (Envisa, 2022)
ċirku tal-ekonomija ċirkolari Ikona tad-disinn tal-prodott Disinn tal-prodott
Ikona tal-produzzjoni u tal-manifattura Produzzjoni u manifattura
Ikona tal-fażi tal-użu Fażi tal-użu
Ikona tal-ġestjoni tal-iskart Ġestjoni tal-iskart
Ikona tal-estrazzjoni tal-materja prima Estrazzjoni tal-materja prima
Ikona tal-iskart residwu Skart residwu

L-inklużjoni tal-prinċipji tal-ekodisinn iżżid is-sostenibbiltà tal-industrija tal-avjazzjoni, billi jintużaw materjali ekoloġiċi u billi jiġi ffaċilitat l-iżmantellar l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ ta’ materjali u l-parts. Il-materjali li jinvolvu aktar diffikultajiet biex jiġu rriċiklati għandhom jintużaw inqas u inqas. 
  Kopertura tal-Istudju “Assessment of the environmental sustainability status in the Aviation Maintenance and Production Organisation Domain” (Valutazzjoni tal-istatus tas-sostenibbiltà ambjentali fil-Qasam tal-Organizzazzjoni tal-Manutenzjoni u l-Produzzjoni tal-Avjazzjoni)

Aqra aktar

Ara r-rapport Assessment of the environmental sustainability status in the Aviation Maintenance and Production Organisation Domain (Valutazzjoni tal-istatus tas-sostenibbiltà ambjentali fil-Qasam tal-Organizzazzjoni tal-Manutenzjoni u l-Produzzjoni fl-Avjazzjoni) (disponibbli bl-Ingliż biss) għal aktar dettalji dwar dan is-suġġett, kif ukoll bosta rakkomandazzjonijiet immirati lejn firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati.