L-ajruporti: kif l-EASA tiżgura l-ivvjaġġar bl-ajru sikur, fil-qtugħ mill-art u fl-illandjar

THIS PAGE IS ALSO AVAILABLE IN:

Titjira sikura tibda fuq l-art - u l-EASA ilha mill-2014 tagħmel l-ajruporti aktar sikuri. Ix-xogħol tal-EASA fuq l-ajruporti jolqot dak kollu li tara meta tħares mit-tieqa waqt li tkun qed tistenna t-titjira tiegħek, kif ukoll ħafna affarijiet mhux viżibbli iżda xorta waħda fis-seħħ biex tiġi żgurata s-sikurezza. Inġenju tal-ajru fl-ajruport b’diversi attivitajiet li jseħħi fil-madwar bħat-tagħbija tal-bagalji, eċċ.

Ejja nibdew bi ftit spjegazzjoni tat-terminoloġija: fil-“lingwa tal-EASA dwar l-avjazzjoni” l-ajruporti jissejħu “ajrudromi”. F’dan l-artikolu tal-EASA Light se nkomplu nużaw it-terminu “ajruport(i)”, iżda ejja nieħdu mument biex nikkunsidraw dawn iż-żewġ termini.

X’inhu ajrudrom?

Ajrudrom huwa żona definita ta’ ajruport li tintuża għall-wasla, it-tluq u l-moviment fuq is-superfiċje ta’ inġenju tal-ajru. L-ajrudromi jinkludu imtajar, ħeliporti, ajruporti u bażijiet tal-ajru militari. 

Għaliex l-EASA tirreferi għal “ajrudromi” minflok “ajruporti”?

Ajruport, minbarra l-infrastruttura użata mill-inġenju tal-ajru, għandu terminal(s) bi ħwienet, parkeġġi u faċilitajiet oħrajn, li ma jintużawx għal operazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru. Filwaqt li ajrudrom normalment ikun parti minn ajruport, mhux iż-żoni kollha ta’ ajruport huma inklużi fir-regolamenti tal-UE dwar is-sikurezza tal-ajrudrom. Dawn ir-regolamenti japplikaw biss għall-infrastruttura użata mill-inġenji tal-ajru u għalhekk ir-raġuni għall-użu tat-terminu tekniku “ajrudrom”.

X’inhu r-rwol tal-EASA fir-rigward tal-ajruporti?

L-ajruporti huma kumplessi min-natura tagħhom u huma parti ewlenija min-network tat-trasport li jipprovdi vjaġġar sikur u rapidu. Dawn huma l-punt ta’ konverġenza tal-operaturi tal-ajruporti, tal-operaturi tal-linji tal-ajru, tal-fornituri ta’ servizzi fuq l-art (ground handlers) u tal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru. L-ajruporti ġew integrati fil-mandat tal-EASA mill-2009. Dan huwa meta l-Kummissjoni, bi qbil mal-Istati Membri (Stati tal-UE + EFTA: in-Norveġja, l-Iżvizzera, l-Iżlanda u l-Liechtenstein), iddeċidiet li ċerti ajruporti se jkollhom japplikaw ir-regoli komuni dwar is-sikurezza tal-UE. L-EASA ngħatat il-mandat li tiżviluppa dawn ir-regoli, li mbagħad ġew adottati mill-Unjoni Ewropea. L-ewwel regoli tal-UE dwar l-ajruporti ġew ippubblikati fl-2014 u minn dak iż-żmien ġew aġġornati diversi drabi sabiex jiżguraw livell għoli ta’ sikurezza fl-ajruporti.

L-EASA tħejji r-regoli għall-awtoritajiet kompetenti li jissorveljaw l-ajruporti, kif ukoll ir-regoli għall-organizzazzjoni u l-operazzjonijiet tal-ajruporti. Dawn ir-regoli jinsabu fl-hekk imsejħa Regoli ta’ Implimentazzjoni, Mezzi Aċċettabbli ta’ Konformità u Materjal ta’ Gwida tar-Regolament 139/2014. Barra minn hekk, l-esperti tal-EASA jħejju l-ispeċifikazzjonijiet taċ-Ċertifikazzjoni għad-disinn tal-infrastruttura tal-ajruport, abbażi tar-regoli tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO). Biċċa leġiżlazzjoni ġdida mistennija sa tmiem l-2024 se tinkludi wkoll is-servizzi fuq l-art.

Jekk tixtieq issir taf aktar, ara r-regoli tal-EASA għall-ajruporti.

Żona tal-illandjar / ta’ qtugħ mill-art ta’ ajruport meta jkun mudlam. Id-dwal tal-paviment ikunu mixgħula.Liema ajruporti jeħtieġu japplikaw ir-regoli komuni dwar is-sikurezza tal-UE?

Ajruporti li jissodisfaw il-kriterji li ġejjin:

  • (a) huma miftuħa għall-użu pubbliku;
  • (b) iservu t-trasport kummerċjali bl-ajru; u
  • (c) ikollhom runway bl-istrumenti pavimentata ta’ 800 metru jew aktar, jew iservu esklussivament lill-ħelikopters bl-użu ta’ proċeduri ta’ avviċinament jew ta’ tluq bl-istrumenti;

Madankollu, xi ajruporti jistgħu jiġu eżentati milli japplikaw dawn ir-regoli mill-Istat Membru relevanti, sakemm it-traffiku tagħhom jibqa’ baxx: inqas minn 10,000 passiġġier ta’ trasport kummerċjali bl-ajru u mhux iktar minn 850 moviment relatat ma’ operazzjonijiet ta’ merkanzija fis-sena.

Aktar minn 500 ajruport jissodisfaw il-kriterji elenkati hawn fuq, filwaqt li madwar 130 ajruport ġew eżentati għal traffiku baxx, u dan iħalli total ta’ 400 ajruport li japplikaw ir-regoli dwar is-sikurezza tal-UE għal dan id-dominju. 

Tista’ faċilment issir taf jekk l-ajruport li qed ttir lejh jew minnu jaqax fil-mandat tal-EASA. Kull m’għandek tagħmel hu li tfittex hawnhekk. Tkunx sorpriż(a) jekk fil-lista tara ajruporti li jinsabu f’Reunion, Guadeloupe, Martinique jew Svalbard. Dawn l-ajruporti jappartjenu għall-hekk imsejħa “territorji ekstra-Ewropej” fejn ir-regoli tal-UE japplikaw ukoll.

Il-vjaġġ tiegħek fl-ajruport bħala passiġġier u kif l-EASA tiżgura li jkun sikur

Ikona ta’ inġenju tal-ajru konness ma’ rampa.It-titjira tiegħek waslet biex tibda l-imbark. Tasal fl-inġenju tal-ajru jew permezz ta’ pont tal-imbark konness direttament miegħu, b’xarabank jew sempliċiment billi timxi fuq ir-rampa. Is-sikurezza tiegħek hija rregolata mir-regoli dwar is-sikurezza tal-ajruporti tal-UE li jiżguraw li tasal għall-inġenju tal-ajru b’mod sikur.

 

Dehra minn fuq ta’ ikona ta’ inġenju tal-ajru fuq ir-runway.Inti bilqiegħda ġewwa l-inġenju tal-ajru hekk kif ikun qed iħejji għat-taxiing fuq l-art. Hemm sistema sħiħa fis-seħħ biex tiżgura li ma jkun hemm l-ebda kolliżjoni fuq ir-rampa, it-taxiways jew fuq ir-runway, ma’ inġenji tal-ajru, vetturi jew persuni oħra, u li l-ajruplan tiegħek jasal fil-pożizzjoni tat-tluq b’mod sikur. Ħares barra t-tieqa: se tinnota l-marki fuq il-paviment u s-sinjali. Jekk ikun billejl jew ikun hemm viżibbiltà ħażina, se tinnota wkoll li d-dwal fuq il-paviment ikun mixgħul – dan huwa rregolat ukoll mill-EASA. 

Kont taf li kull kulur tal-marki u tad-dwal li tara għandu tifsira?   
Pereżempju, il-kuluri tal-marki fuq il-paviment jindikaw ċerti postijiet fl-infrastruttura tal-ajruport. Jekk tara marki sofor, allura l-inġenju tal-ajru tiegħek huwa jew fuq ir-rampa jew fuq taxiway. Marki bojod ifissru li l-inġenju tal-ajru tiegħek laħaq ir-runway. Peress li l-ajruporti jintużaw minn inġenji tal-ajru u piloti minn madwar id-dinja kollha, l-ajruporti kollha għandhom l-istess marki u dwal u jeħtieġ li jikkonformaw mal-istess rekwiżiti tad-disinn. Dan jiżgura li l-bdoti ma jiġux konfużi u jkunu jistgħu jinnavigaw b’mod sikur irrispettivament mill-post tal-ajrudrom.

Ikona ta’ inġenju tal-ajru li jkun qed jinqata’ mill-art.L-ajruplan tiegħek se jinqata’ mill-art jew se jillandja. Dawn huma l-istadji l-aktar riskjużi tat-titjira. Ir-regoli dwar is-sikurezza tal-ajruporti tal-UE jiżguraw li r-runway tkun iddisinjata b’mod korrett, u s-superfiċje tagħha tinżamm f’kundizzjoni adegwata, mingħajr ostakli u residwi. Barra minn hekk, is-servizzi ta’ salvataġġ tat-tifi tan-nar fl-ajruport huma lesti li jieħdu azzjoni immedjata f’każ ta’ emerġenza u l-kapaċitajiet tagħhom huma definiti fl-istess regolamenti.

Kont taf li f’każ ta’ inċident, is-servizzi ta’ salvataġġ u ta’ tifi tan-nar fl-ajruport jeħtieġ li jkunu fil-post tal-inċident f’inqas minn 3 minuti?
Dawn il-professjonisti huma fost id-diversi eroj mhux apprezzati tas-sikurezza tal-avjazzjoni. Dejjem nittamaw li ma jkunux meħtieġa, iżda niżguraw li dawn ikunu hemm meta jkun hemm bżonn.

Ajruporti u żoni ta’ riskji ewlenin

Minħabba n-naturaInġenju tal-ajru fuq paviment bil-borra f’lejla ta’ borra.kumplessa tal-ajruporti, l-operazzjonijiet tagħhom jistgħu jkunu riskjużi u huwa għalhekk li l-kwistjonijiet relatati mas-sikurezza jeħtieġ li jiġu identifikati, indirizzati u mmonitorjati. L-EASA qed taħdem flimkien mal-partijiet ikkonċernati tagħha biex tidentifika kwalunkwe kwistjoni ta’ sikurezza u biex taqbel dwar il-modi kif tindirizzahom. Bħala riżultat ta’ din il-ħidma, ġew identifikati diversi kwistjonijiet ta’ sikurezza, assenjati klassifikazzjoni ta’ prijorità u marbuta ma’ qasam ta’ riskju ewlieni. 

Oqsma ta’ riskji ewlenin huma d-determinazzjoni tal-aktar tip probabbli ta’ aċċidenti li okkorrenza setgħet eskalat għalihom. Għal aktar qari dwar kwistjonijiet possibbli ta’ sikurezza għall-ajruporti u kif dawn kienu relatati mal-10 oqsma ewlenin ta’ riskju, tista’ tiċċekkja l-Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni
 
Il-parti l-kbira tal-kwistjonijiet tas-sikurezza identifikati fl-ajruporti huma marbuta maż-żona ta’ riskju ewlieni “ħsara fuq l-art” u jirriżultaw mill-attivitajiet ta’ servizzi fuq l-art. Din hija r-raġuni għaliex ittieħdet id-deċiżjoni li tirregola wkoll l-attivitajiet ta’ servizzi fuq l-art. Dan huwa r-regolament il-ġdid li mistenni jiġi ppubblikat sa tmiem l-2024, kif imsemmi qabel.