Il-Qtugħ mill-Art u l-Inżul Vertikali (VTOL)

THIS PAGE IS ALSO AVAILABLE IN:

VTOL - artist impression L. TauszigL-Ewropa qed tħejji ruħha biex tħaddanIl-Mobilità bl-Ajru Urbana (UAM) bħala sistema ġdida tat-trasport bl-ajru u l-EASA rċeviet għadd ta’ talbiet għaċ-ċertifikazzjoni tat-tip tal-inġenji tal-ajru bi qtugħ mill-art u l-inżul vertikali (VTOL), imsejħa wkoll Taxis tal-Ajru, bl-ambizzjoni li tiġi permessa l-Mobilità bl-Ajru Urbana jew jinħolqu soluzzjonijiet ġodda għall-Mobilità bl-Ajru Reġjonali.

X’inhi d-differenza bejn il-VTOL u l-ħelikopter?

Il-ħelikopters (imsejħa wkoll Rotorcraft) intużaw f’żoni urbani għal għexieren ta’ snin u huma familjari għalina lkoll. Is-Servizzi Mediċi ta’ Emerġenza bil-Ħelikopter (HEMS) pereżempju huma mezz vitali ta’ trasport biex persuni midruba serjament jiġu ttrasportati bl-ajru.
Għalkemm kemm il-VTOL kif ukoll ir-rotorcraft konvenzjonali jagħmlu użu mill-propulsjoni biex jitilgħu fl-arja, il-VTOLs qed jużaw aktar minn żewġ unitajiet ta’ propulsjoni, imsejħa propulsjoni distribwita. Jekk tiġi implimentata kif suppost, il-propulsjoni distribwita tista’ żżid is-sikurezza tal-inġenji tal-ajru billi funzjonijiet kritiċi jiġu kondiviżi bejn diversi komponenti.
Flimkien ma’ tipi elettriċi jew tipi oħra ta’ propulsjoni innovattiva, il-VTOLs għandhom ukoll il-potenzjal li jnaqqsu l-impronta ambjentali tal-avjazzjoni f’termini ta’ emissjonijiet u storbju. Madankollu, sabiex jiġi żgurat li dan l-objettiv jintlaħaq, jeħtieġ li jitqies iċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja tal-prodott (mid-disinn sat-tħaddim), inkluż is-sorsi tal-enerġija.

L-EASA: L-iżvilupp ta’ rekwiżiti tekniċi

Fin-nuqqas ta’ speċifikazzjonijiet ta’ ċertifikazzjoni xierqa għaċ-ċertifikazzjoni tat-tip ta’ VTOLs, l-EASA żviluppat sett komplut ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi dedikati fil-forma ta’ Kundizzjoni Speċjali għall-inġenji tal-ajru tal-VTOL. Il-Kundizzjoni Speċjali tindirizza l-karatteristiċi uniċi ta’ dawn il-prodotti u tippreskrivi standards tal-ajrunavigabbiltà għall-ħruġ ta’ ċertifikat tat-tip biex tiżgura li l-VTOLs ikunu qed isegwu r-rekwiżiti tas-sikurezza meħtieġa. Il-Kundizzjoni Speċjali, ippubblikata f’Lulju 2019 nediet il-qafas għall-manifatturi biex jiżviluppaw VTOL innovattiv.

L-Aġenzija issa tinsab fil-proċess li toħloq regoli ġodda u tirrevedi dawk eżistenti biex tindirizza teknoloġiji ġodda, kunċetti operattivi tat-trasport bl-ajru, rekwiżiti tal-liċenzjar tal-ekwipaġġ tat-titjiriet u tal-operaturi bl-objettiv li tkun flessibbli u li tadatta l-qafas regolatorju biex ikun konformi mal-prinċipji tar-Regolamenti Bbażati fuq il-Prestazzjoni. Jekk trid issir taf aktar dwar il-kompiti tat-Tfassil tar-Regoli wara din il-ħidma, żur l-EASA Pro:

Bħalma qal id-Direttur Eżekuttiv tal-EASA, Patrick Ky: “Aħna qed nikkollaboraw b’mod attiv mal-industrija biex niżviluppaw ir-rekwiżiti tekniċi t-tajbin biex nibbenefikaw mit-teknoloġiji l-ġodda li jġibu benefiċċji tas-sikurezza u tal-ambjent għall-komunità. L-istabbiliment ta’ sett komuni ta’ kundizzjonijiet għaċ-ċertifikazzjoni ta’ dawn il-kunċetti l-ġodda tal-inġenji tal-ajru se jippermetti kompetizzjoni ġusta fis-suq Ewropew kif ukoll ċarezza għall-manifatturi futuri u għall-investituri tagħhom.”