L-EASA fix-xenarju tal-Unjoni Ewropea

Il-mod kif l-EASA tikkollabora mal-istituzzjonijiet Ewropej lejn avjazzjoni dejjem aktar sikura u aktar ekoloġika

THIS PAGE IS ALSO AVAILABLE IN:

Kif indikat fl-isem, l-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA) hija Aġenzija tal-Unjoni Ewropea. B'mod aktar preċiż, hija aġenzija deċentralizzata tal-Unjoni Ewropea (UE).

L-Aġenziji deċentralizzati tal-UE huma awtoritajiet pubbliċi stabbiliti skont il-liġi Ewropea, li jgawdu l-personalità ġuridika tagħhom stess. Dawn l-Aġenziji huma stabbiliti biex iwettqu kompitu ta’ natura teknika jew xjentifika, jew kompitu ta’ ġestjoni speċifiku definit fir-regolament ta’ twaqqif rispettiv tagħhom. 

Filwaqt li l-EASA hija korp indipendenti u newtrali, aħna naħdmu mill-qrib mal-Istituzzjonijiet tal-UE, prinċipalment il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. L-EASA tappoġġa wkoll il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-gvernijiet nazzjonali billi tiġbor flimkien l-għarfien espert u l-għarfien tekniku u speċjalizzat kemm mill-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll mill-awtoritajiet nazzjonali.

L-EASA u l-Kummissjoni Ewropea

Il-Kwartieri Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea © Unjoni Ewropea 2021

Il-Kummissjoni Ewropea hija istituzzjoni ewlenija tal-UE. Il-Kummissjoni hija l-unika istituzzjoni tal-UE bis-setgħa li tfassal proposti għal leġiżlazzjoni ġdida tal-UE, li mbagħad tintbagħat lill-Kunsill u lill-Parlament għad-diskussjoni u l-adozzjoni.          

Id-DĠ MOVE huwa d-Direttorat Ġenerali għall-Mobbiltà u t-Trasport tal-Kummissjoni Ewropea. Huwa responsabbli għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE relatati mat-trasport u l-mobbiltà. Għaldaqstant, id-DĠ MOVE huwa d-“DĠ prinċipali” tal-EASA.          

Id-DĠ MOVE jaħdem biex jiżgura sistemi ta’ trasport sikuri, effiċjenti u sostenibbli madwar l-Unjoni Ewropea. Ir-responsabbiltajiet tiegħu jinkludu l-formulazzjoni ta’ leġiżlazzjoni, il-promozzjoni tal-innovazzjoni fit-teknoloġiji tat-trasport, il-koordinazzjoni ta’ proġetti tal-infrastruttura tat-trasport, u t-trawwim ta’ kooperazzjoni internazzjonali dwar kwistjonijiet ta’ trasport. 

Kif taħdem l-EASA mal-Kummissjoni Ewropea u d-DĠ MOVE?

Billi taħdem mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea u, b’mod partikolari, mad-DĠ MOVE, l-EASA għandha rwol vitali fl-avvanz tal-prijoritajiet tal-UE u fl-għoti ta’ benefiċċji tanġibbli liċ-ċittadini Ewropej.

  1. Allinjament mal-politiki tal-UE: L-EASA taħdem id f’id mad-DĠ MOVE biex tiżgura allinjament mal-politiki u l-objettivi tal-UE. Il-kollaborazzjoni fuq diversi proġetti, il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni, u l-koordinazzjoni ta’ attivitajiet biex jintlaħqu għanijiet komuni.
  2. Appoġġ u Gwida: Id-DĠ MOVE jipprovdi appoġġ u gwida lill-EASA fl-oqsma rispettivi ta’ għarfien espert. Din l-assistenza tgħin lill-EASA twettaq il-mandati tal-Aġenzija b’mod effettiv u tikkontribwixxi għat-tfassil tal-politika tal-UE.
  3. Żvilupp tal-Politiki: L-EASA tassisti lill-Kummissjoni Ewropea u b’mod partikolari lid-DĠ MOVE fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE. Toffri għarfien speċjalizzat, twettaq riċerka, u tipprovdi rakkomandazzjonijiet biex il-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet ikunu infurmati.
  4. Rappurtar u Obbligu ta' Rendikont: L-EASA tirrapporta lid-DĠ MOVE dwar l-attivitajiet, is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħha. Dan jiżgura t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont fl-operazzjonijiet tal-EASA u jgħin fl-evalwazzjoni tal-prestazzjoni.

L-EASA u l-Parlament tal-UE

Il-Parlament Ewropew hu l-korp elett li jirrappreżenta liċ-ċittadini tal-UE. Jissorvelja l-attivitajiet tal-UE u, flimkien mal-Kunsill, jgħaddi l-leġiżlazzjoni tal-UE. Il-Parlament Ewropew jikkondividi wkoll mal-Kunsill responsabbiltà ugwali għall-adozzjoni tal-baġit tal-UE (propost mill-Kummissjoni Ewropea).

Florian Guillermet, id-Direttur Eżekuttiv tal-EASA jitkellem quddiem il-Kumitat TRAN © L-Unjoni Ewropea 2024 - Sors: EP

Fost l-20 kumitat tematiku tal-Parlament Ewropew, il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (TRAN), il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (CONT) u l-Kumitat għall-Baġits (BUDG) għandhom rwol importanti għall-EASA. 

L-EASA kif taħdem mal-Parlament tal-UE?

Billi taħdem mill-qrib mal-Parlament tal-UE u mal-kumitati tagħha, l-EASA tiżgura li tibqa’ tagħti rendikont liċ-ċittadini tal-UE u tikkontribwixxi għall-funzjonament effettiv tal-UE.

  1. Sorveljanza u Obbligu ta' Rendikont: Il-Parlament tal-UE għandu rwol kruċjali fis-sorveljanza tal-aġenziji tal-UE, filwaqt li jiżgura li dawn jirrappreżentaw l-interessi taċ-ċittadini tal-UE.
  2. Seduti ta’ Smigħ Regolari: Il-Parlament, b’mod partikolari l-Kumitat TRAN, jistieden b’mod regolari lid-Direttur Eżekuttiv tal-EASA biex jiddiskuti l-attivitajiet, il-kwistjonijiet baġitarji u l-pjanijiet futuri tal-Aġenzija. Dan id-djalogu miftuħ jiżgura li jkun hemm trasparenza u li jingħata rendikont rigward l-operazzjonijiet tal-aġenzija.
  3. Approvazzjoni tal-Baġit: Qabel ma aġenzija tal-UE tkun tista’ tirċievi finanzjament, il-baġit tagħha jrid jiġi rivedut u approvat mill-Parlament tal-UE. Dan jiżgura li l-flus tal-kontribwenti jintefqu b’mod għaqli u konformi mal-prijoritajiet tal-UE.
  4. Talbiet għal Informazzjoni: Il-Parlament jista’ jitlob rapporti u informazzjoni mill-EASA, biex jibqa’ infurmat dwar l-attivitajiet tal-Aġenzija u jieħu deċiżjonijiet infurmati.

L-EASA u l-Kunsill tal-UE

Il-Kunsill tal-UE (magħruf ukoll bħala l-Kunsill tal-Ministri) huwa magħmul minn ministri mill-gvernijiet nazzjonali tal-UE. L-Istati Membri jokkupaw ir-rwol tal-Presidenza tal-Kunsill għal perjodu ta’ 6 xhur. Ix-xogħol prinċipali tal-Kunsill huwa li jgħaddi l-liġijiet tal-UE. Normalment, jikkondividi din ir-responsabbiltà mal-Parlament Ewropew. Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jikkondividu wkoll responsabbiltà ugwali għall-adozzjoni tal-baġit tal-UE.          

Hemm għexieren ta’ gruppi ta’ ħidma fi ħdan il-Kunsill tal-UE li jkopru firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika. Il-Grupp AVIA huwa grupp ta’ ħidma ffukat fuq kwistjonijiet relatati mal-avjazzjoni. Jindirizza primarjament il-politiki, ir-regolamenti u l-koordinazzjoni tal-avjazzjoni ċivili fost l-Istati Membri tal-UE. Il-Grupp jindirizza diversi aspetti tal-avjazzjoni, bħal standards ta’ sikurezza, ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, infrastruttura tal-ajruporti, kunsiderazzjonijiet ambjentali, u ftehimiet internazzjonali dwar l-avjazzjoni.           

Il-Grupp AVIA huwa magħmul minn rappreżentanti mill-gvernijiet nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE, flimkien ma’ uffiċjali mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn ir-rappreżentanti jaħdmu flimkien biex jiddiskutu, jinnegozjaw u jiżviluppaw politiki li jaffettwaw is-settur tal-avjazzjoni fl-Unjoni Ewropea kollha.

L-EASA kif tikkollabora mal-Kunsill tal-UE?

Billi tappoġġa l-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea mal-Kunsill tal-UE, l-EASA tikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politiki li jippromwovu l-benesseri u l-prosperità taċ-ċittadini kollha tal-UE.

  1. Appoġġ għall-Politiki: L-EASA tappoġġa l-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea mal-Kunsill tal-UE fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE. L-Aġenzija toffri għarfien espert, riċerka u analiżi f’oqsma speċifiċi, filwaqt li taħdem flimkien biex tixpruna l-iżvilupp tal-politika.
  2. Kondiviżjoni ta’ Informazzjoni: L-EASA tikkondividi aġġornamenti, rapporti u rakkomandazzjonijiet mal-Kunsill tal-UE.
  3. Konsultazzjoni: Meta jkun meħtieġ, il-Kunsill tal-UE jista’ jikkonsulta lill-EASA għal parir u assistenza.

Uffiċċju ta’ Brussell tal-EASA 

Filwaqt li l-Kwartieri Ġenerali tal-EASA jinsabu f’Cologne, il-Ġermanja, l-EASA għandha wkoll uffiċċju fi Brussell. Din il-prossimità għandha rwol importanti fit-titjib tal-effettività u l-viżibbiltà tal-EASA fl-Unjoni Ewropea.  

  1. Rappreżentanza: L-Uffiċċju jservi bħala r-rappreżentanza ewlenija tal-EASA fil-qalba tal-Unjoni Ewropea, u jippermetti lill-Aġenzija żżomm komunikazzjoni u kooperazzjoni mill-qrib mal-istituzzjonijiet tal-UE, mal-Istati Membri, u ma’ partijiet ikkonċernati oħra.
  2. Koordinazzjoni: L-Uffiċċju jiffaċilita l-koordinazzjoni u l-kollaborazzjoni bejn l-EASA u l-istituzzjonijiet tal-UE, bħall-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew. Jgħin biex jiġi żgurat l-allinjament tal-attivitajiet u l-prijoritajiet mal-politiki u l-objettivi tal-UE.
  3. Kondiviżjoni ta’ Informazzjoni: L-uffiċċju jaġixxi bħala ċentru għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni u għarfien espert mal-partijiet ikkonċernati rilevanti. Dan jinkludi l-organizzazzjoni ta’ laqgħat, sessjoni ta' ħidma, u avvenimenti bil-għan li jkun hemm disseminazzjoni ta’ għarfien u l-aħjar prattiki.
  4. Appoġġ: L-Uffiċċju jipprovdi appoġġ lill-Kwartieri Ġenerali tal-EASA f’Cologne f’diversi oqsma, inkluż l-iżvilupp tal-politika, l-involviment tal-partijiet ikkonċernati, u kwistjonijiet amministrattivi. L-Uffiċċju ta’ Brussell tal-EASA jassisti wkoll fil-promozzjoni tal-viżibbiltà u l-impatt tal-EASA fil-proċess tat-tfassil tal-politika tal-UE.