Ġeożoni - kun af fejn tista’ ttajjar id-dron tiegħek

THIS PAGE IS ALSO AVAILABLE IN:

It-titjir ta’ dron huwa divertenti iżda jġib miegħu responsabbiltajiet, li xi wħud minnhom diġa’ tkellimna dwarhom fil-gwida għall-bdoti tad-droni preċedenti tagħna. Meta tkun operatur ta’ dron, id-dron tiegħek jikkondividi l-ispazju tal-ajru ma’ inġenji oħra tal-ajru, ma’ ħelikopters u fil-futur ma’ VTOLs. Għaldaqstant ma tistax ittajjar id-dron tiegħek kullimkien. Li tkun taf fejn tista’ ttajjar id-dron tiegħek huwa importanti għal kulħadd fl-ajru u fuq l-art.

Qabel ma tibda ttajjar id-dron tiegħek

Bħala bdot jew operatur remot tad-dron, waħda mill-affarijiet l-aktar importanti li għandek bżonn tagħmel qabel kull titjira hija li tiċċekkja fejn tista’ u fejn ma tistax ittajjar id-dron tiegħek billi tiċċekkja ż-żoni ġeografiċi qabel ma tibda ttajjru. Kun żgur li tgawdi t-titjira tiegħek jew li tagħmel ġurnata tajba ta’ xogħol bid-dron tiegħek mingħajr ma tidħol fl-inkwiet għax tkun dħalt f’xi żona ta’ titjir mhux awtorizzata, li jista’ jirriżulta f’multi kbar jew jikkawża aċċidenti.

Żoni ġeografiċi tad-Dron (UAS)

Biex iżżomm lill-inġenji tal-ajru u lill-persuni fuq l-art sikuri, iż-żoni ġeografiċi tad-dron, jew il-ġeożoni, ġew stabbiliti fl-Ewropa kollha mill-Istati differenti. Il-Ġeożoni huma porzjonijiet tal-ispazju tal-ajru fejn l-operazzjonijiet tad-droni, jew biex nużaw it-terminu aktar uffiċjali Sistema tal-Ajru Mingħajr Bdot Abbord (UAS), jiġu ffaċilitati, ristretti jew esklużi. Il-Ġeożoni jiġu stabbilit biex:

  • jimminimizzaw ir-riskji għas-sikurezza
  • jipproteġu l-privatezza tal-oħrajn
  • jindirizzaw kwistjonijiet ta’ sigurtà
  • jindirizzaw tħassib ambjentali.

Hemm tliet ġeożoni ewlenin li għalihom l-Istati Membri jistgħu jadottaw kodiċi tal-kulur biex jiġi żgurat li l-utenti tal-ispazju tal-ajru jkunu jistgħu jidentifikaw malajr għal liema żona jkunu qed jirreferu.

Żona ħamra

 

Ġeożoni esklużi

It-titjiriet huma pprojbiti għall-operazzjonijiet fil-klassijiet kollha jew f’ċerti klassijiet, għaldaqstant it-titjir tad-droni mhuwiex permess.

Żona safra

 

Ġeożoni ristretti

L-operazzjonijiet ta’ UAS huma limitati u huma soġġetti għall-issodisfar tas-sett ta’ kundizzjonijiet imposti f’dawn iż-żoni. Teħtieġ għoti ta’ awtorizzazzjoni preliminari biex ittajjar id-dron tiegħek peress li tista’ tkun viċin żoni bħall-ajruporti, ħeliporti, parks nazzjonali, installazzjonijiet militari, sptarijiet, impjanti tal-enerġija nukleari jew kwalunkwe tip ta’ sit industrijali ewlieni, eċċ.

 

Żona ħadra

 

Ġeożoni ffaċilitati

L-operazzjonijiet ta’ UAS huma ffaċilitati fil-kategorija ‘Miftuħa’, għaldaqstant tista’ ttajjar id-dron tiegħek.

Żona blu

 

Spazju tal-ajru tal-U-Space

Porzjon tal-ispazju tan-naħa t’isfel fejn l-operazzjonijiet jiġu ġestiti għad-droni u vetturi oħra li joperaw fih.

 

Kif tiċċekkja ġeożona - gwida pass b’pass

U-spaceHawn xi ftit passi sempliċi biex tiċċekkja ż-żoni ġeografiċi:

  • Agħżel il-klassi tal-piż tad-dron tiegħek u ppjana t-titjira tiegħek
    • X’qed tippjana li tagħmel bid-dron tiegħek?
    • Kif se tkun it-trajettorja tat-titjira tiegħek?
    • Liem hi ż-żona fejn trid ittajjar id-dron tiegħek?

Hija r-responsabbiltà tal-bdot tad-dron li jikseb informazzjoni aġġornata dwar kwalunkwe żona ġeografika u li jikkonforma magħha qabel u wara kull titjira.

  • Iċċekkja s-siti web tal-Awtorità Nazzjonali tal-Avjazzjoni (NAAs) u ikseb l-informazzjoni meħtieġa għall-pajjiż fejn tixtieq ittajjar id-dron tiegħek.
    • Ikkonnettja ma’ App tal-ippjanar tat-titjira tad-dron. L-EASA telenka dawk li jeżistu fuq il-paġna tal-NAA taħt “Fejn tista’ ttajjar id-dron tiegħek” skont il-pajjiż.
    • Xi Awtoritajiet Nazzjonali tal-Avjazzjoni joffru ċarts diġitali li tista’ tiċċekkja. Oħrajn għandhom link għal ċarts ta’ dokumenti aġġornati li tista’ tniżżel.
       
  • Fuq l-App jew fuq is-sit web tal-Awtorità Nazzjonali tal-Avjazzjoni, l-ewwel agħżel iż-żona fejn tixtieq ittajjar id-dron tiegħek. Imbagħad tkun tista’ tara jekk tistax ittajru hemm jew le. Jekk iż-żona tkun ristretta, se tara aktar informazzjoni dwar kwalunkwe awtorizzazzjoni meħtieġa. Meta l-pajjiż ikollu App, jaf tkun anke tista’ tapplika għal awtorizzazzjoni mal-awtorità kompetenti fl-App stess. F’każijiet oħrajn, jaf ikollok bżonn timla formola u tibgħatha lill-awtorità kompetenti permezz ta’ email.  Jaf iddum jumejn sakemm tirċievi r-risposta għat-talba tiegħek.  
     
  • Jekk tkun ingħatajt awtorizzazzjoni biex ittajru f’żona ristretta, kun żgur li tibqa’ fi ħdan il-limiti ta’ dik l-awtorizzazzjoni.

Fejn nista’ ntajjar id-dron tiegħi

Żoni allokati - restrizzjonijiet fl-altitudni, fil-ħin, fid-distanza, eċċ.

Taf tiltaqa’ ma’ żoni fejn japplikaw restrizzjonijiet ta’ titjir jew fejn sempliċiment ma tista' ttajjar id-dron tiegħek qatt, bħal żona ta’ titjir f’livell baxx għall-militari. Hemm ukoll il-possibbiltà li f’ċertu żoni japplikaw restrizzjonijiet parzjali bħal:

  • Tista’ ttajjar id-dron tiegħek biss taħt ċerta altitudni, stabbilita inqas mill-120 metru massimu permessi mir-regoli fil-kategorija miftuħa.
  • It-titjir tad-dron tiegħek huwa permess biss matul ħin speċifiku matul il-ġurnata, pereżempju minħabba li qed iseħħ xi avvenimenti fil-viċin, eż. kunċert jew logħba tal-isports.
  • Id-distanza orizzontali bejnek u bejn id-dron tiegħek tista’ titnaqqas.

Ċart ajrunawtika tipprovdi indikazzjonijiet preċiżi dwar iż-żona fejn trid ittajjar id-dron tiegħek u r-restrizzjonijiet tagħha. Google maps jista’ jkun ukoll sors għal spezzjoni ta’ malajr taż-żona fejn tixtieq ittajjar id-dron tiegħek.

Sistema ta’ ġeokonsapevolezza

Grazzi għas-sistema ta’ ġeokonsapevolezza integrata f’ċerti droni, dawn jistgħu jidentifikaw ksur potenzjali fil-limitazzjonijiet tal-ġeożoni u jinfurmaw lill-bdot remot, sabiex inti tkun tista’ tieħu azzjoni immedjata u effettiva biex tipprevjeni l-ksur. Xi wħud mill-mudelli l-aktar riċenti tad-droni jinkludu din is-sistema, li ssir referenza għaliha wkoll bħala geofencing.

Hija bbażata fuq id-data ġeografika pprovduta u aġġornata regolarment mill-Istati Membri.  Jekk id-dron tiegħek għandu sistema ta’ ġeokonsapevolezza, hija r-responsabbiltà tal-operatur tad-dron li jżommha aġġornata għad-dron/droni li inti tkun il-proprjetarju tagħhom. 

Fly away tad-dron

Fly away huwa meta d-dron jitlef il-konnessjoni mal-kontrolli tal-bdot u sempliċiment jittajjar ’il barra mingħajr interruzzjonijiet. Dan jiġri wkoll flimkien ma’ telf fis-sinjal tal-GPS, għaldaqstant l-opzjoni “Return to Home” (RTH) ma tkunx tista’ titnieda.

Din hija tip ta’ okkorrenza li l-operaturi tad-droni jeħtieġu jirrappurtaw, irrelevanti minn ġo liema żona tkun qed ittajjar id-dron tiegħek. Din tista’ tkun:

  • lill-Awtorità Nazzjonali tal-Avjazzjoni fil-pajjiż fejn qed topera
  • fl-avveniment li tingħata awtorizzazzjoni biex ittajjar id-dron tiegħek viċin ta’ ajruport ikkontrollat jew f’żoni tat-titjir fejn l-operazzjonijiet tad-droni huma ristretti, jeħtieġ li tinforma wkoll lill-Kontroll tat-Traffiku tal-Ajru immedjatament bl-informazzjoni dwar fejn mar id-dron, l-altitudni, il-veloċità tiegħu u (jekk possibbli) il-batterija li għad fadal
  • lill-kumpanija tal-assigurazzjoni tiegħek ukoll. Il-manifatturi tad-droni li joffru d-droni b’RTH ikunu ferm interessati li jkollhom ir-rapport tiegħek ukoll. Żur is-siti web tagħhom għal aktar informazzjoni

Żomm ruħek infurmat u aġġornat - segwi EASA Light

L-EASA se tikkondividi l-informazzjoni kollha l-aktar aġġornata kollha dwar id-droni fuq EASA Light.

Oħloq kont u segwina fuq EASA Light biex iżżomm ruħek aġġornat!