Il-ħidma tal-EASA dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni hija komprensiva ħafna u kontinwa; ma tiqafx meta inġenju tal-ajru jiġi ċċertifikat u jitqies sikur biex itir. Dak l-inġenju tal-ajru se jwettaq eluf ta’ titjiriet matul ħafna snin u xi drabi, matul l-operazzjonijiet tiegħu, jistgħu jinqalgħu xi kwistjonijiet ta’ sikurezza.
Kwistjonijiet bħal dawn ta’ spiss jiġu indirizzati permezz ta’ pubblikazzjoni ta’ sikurezza magħrufa bħala “Direttiva dwar l-Ajrunavigabbiltà”. Direttiva dwar l-Ajrunavigabbiltà tordna azzjonijiet li għandhom jitwettqu fuq inġenju tal-ajru biex jiġi restawrat livell aċċettabbli ta’ sikurezza, meta l-evidenza turi li l-livell ta’ sikurezza ta’ dan l-inġenju tal-ajru inkella jkun jista’ jiġi kompromess.
B’dak id-dokument, l-operaturi tal-ajru madwar id-dinja li qed joperaw inġenji tal-ajru affettwati jiġu infurmati dwar il-kwistjoni potenzjali ta’ sikurezza u huma mitluba jieħdu l-passi meħtieġa biex jirranġawha.
Ta’ min jinnota li filwaqt li l-operazzjonijiet kummerċjali tal-avjazzjoni tendenzjalment huma l-aktar parti viżibbli tal-avjazzjoni, id-Direttivi dwar l-Ajrunavigabbiltà jistgħu jkunu mmirati lejn tipi oħra ta’ inġenji tal-ajru bħal ħelikopters, blalen tal-arja, eċċ.
X’hemm f’Direttiva dwar l-Ajrunavigabbiltà?
Id-dokument se jiddeskrivi l-kwistjoni ta’ sikurezza u l-flotta affettwata. Iż-żewġ partijiet ewlenin huma: il-miżuri korrettivi meħtieġa li għandhom jittieħdu u ż-żmien biex dan isir. Iż-żmien mogħti għall-konformità jirrifletti s-severità tal-kwistjoni: aktar ma jkun hemm żmien sal-konformità, aktar ikun baxx ir-riskju ta’ okkorrenza relatata mas-sikurezza fil-futur qrib. Miżuri korrettivi jistgħu jkunu sempliċi daqs l-aġġornament tal-manwal tat-titjira jew aġġornament żgħir tas-software. Dawk aktar kumplessi jistgħu jinvolvu modifiki strutturali estensivi.
Naħdmu flimkien għas-sikurezza: xi jwassal għal Direttiva dwar l-Ajrunavigabbiltà
Is-sikurezza hija responsabbiltà konġunta komuni għal diversi atturi fl-avjazzjoni. L-operaturi ta’ inġenji tal-ajru għandhom jirrappurtaw data dwar il-kwistjonijiet li jistgħu jiltaqgħu magħhom matul l-operazzjonijiet tagħhom. Normalment jagħmlu dan ir-rapport lid-Detentur taċ-Ċertifikat tat-Tip, li, fi kliem aktar sempliċi, huwa l-kumpanija li żviluppat dak l-inġenju tal-ajru speċifiku. Id-Detentur taċ-Ċertifikat tat-Tip se jinvestiga l-kwistjoni u, jekk din titqies bħala kwistjoni ta’ sikurezza li tista’ tiġi replikata fuq inġenju tal-ajru ieħor, jinforma u jinvolvi lill-EASA, filwaqt li jissuġġerixxi azzjonijiet li għandhom jittieħdu biex tiġi indirizzata dik il-kwistjoni. L-EASA se tirrieżamina dik id-data, possibbilment tirrikjedi aġġornamenti u, ladarba jintlaħaq qbil dwar l-azzjoni xierqa, toħroġ Direttiva dwar l-Ajrunavigabbiltà. Jekk iż-żmien jippermetti, proposta ta’ Direttiva dwar l-Ajrunavigabbiltà se tkun disponibbli fuq is-sit web tal-EASA għall-konsultazzjoni u għall-kummenti (prinċipalment mill-industrija u mill-operaturi) għal perjodu ta’ żmien qabel il-pubblikazzjoni uffiċjali.
Ta’ min jinnota li organizzazzjonijiet oħra (pereżempju, organizzazzjonijiet tal-manutenzjoni, organizzazzjonijiet tal-produzzjoni, eċċ.) ukoll għandhom obbligi li jirrapportaw id-data, u l-istess kwistjoni tista’ tiġi rrappurtata diversi drabi minn organizzazzjonijiet differenti. Din l-informazzjoni kollha tiġi riveduta u analizzata u tista’ eventwalment twassal għal Direttiva dwar l-Ajrunavigabbiltà.
L-EASA hija responsabbli għall-ħruġ ta’ Direttivi dwar l-Ajrunavigabbiltà fir-rigward ta’ prodotti ċċertifikati jew ivvalidati mill-EASA. Meta ċ-ċertifikazzjoni tkun twettqet minn awtorità oħra u tkun ġiet ivvalidata mill-EASA, l-Aġenzija tista’ tadotta Direttivi dwar l-Ajrunavigabbiltà maħruġa minn dik l-awtorità l-oħra.
Direttivi ta’ Emerġenza dwar l-Ajrunavigabbiltà
Xi drabi l-EASA toħroġ Direttiva ta’ Emerġenza dwar l-Ajrunavigabbiltà. Kif jindika l-isem, din tirrigwarda kwistjoni ta’ sikurezza li għandha tiġi indirizzata f’perjodu ferm iqsar u, f’dan il-każ, m’hemm l-ebda perjodu ta’ konsultazzjoni. Normalment, jekk il-miżuri korrettivi jridu jittieħdu fi żmien inqas minn 30 jum, dik hija Direttiva ta’ Emerġenza dwar l-Ajrunavigabbiltà.
F’xi punt f’ħajtek jista’ jkun li smajt fl-aħbarijiet dwar tip partikolari ta’ inġenju tal-ajru li jiġi mġiegħel jibqa' fl-art, jiġifieri, ma jitħalliex itir. Dan huwa rari ħafna, iżda jista’ jkun l-unika azzjoni possibbli jekk m’hemm l-ebda miżuri korrettivi disponibbli biex tiġi indirizzata kwistjoni ta’ sikurezza identifikata fi żmien qasir.
Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, id-Direttivi ta’ Emerġenza dwar l-Ajrunavigabbiltà mhux se jwasslu biex inġenju tal-ajru jiġi mġiegħel jibqa' fl-art, iżda xorta jistgħu jkunu ta’ tfixkil għall-operazzjonijiet u jikkawżaw inkonvenjenza għall-passiġġieri tal-ajru li l-pjanijiet tal-ivvjaġġar tagħhom ikunu affettwati. Huwa importanti li nfakkru lilna nfusna li, fl-avjazzjoni, is-sikurezza dejjem trid tiġi l-ewwel.
Żomm ruħek infurmat
Oħloq kont u segwi l-EASA Light biex iżżomm lilek innifsek aġġornat rigward l-attivitajiet tal-EASA.