Il-Mobilità bl-Ajru Urbana malajr qed issir realtà u kollha kemm aħna rajna xi ideat dwar kif jista’ jkun it-trasport fl-ambjent urban tagħna permezz ta’ mudelli u vidjos.
L-istudju tal-EASA dwar il-Mobilità bl-Ajru Urbana indika b’mod ċar li l-każijiet tal-użu bħal taxis tal-ajru u trasportazzjonijiet għal raġunijiet mediċi għandhom aċċettazzjoni wiesgħa miċ-ċittadini tal-UE, u x’aktarx li se jkunu l-ewwel li jiġu implimentati.
L-artiklu tagħna dwar “Il-Qtugħ mill-Art u l-Inżul Vertikali (VTOL)”, spjega l-kunċett tal-qtugħ mill-art u tal-inżul tal-inġenju tal-ajru fiż-żoni urbani tagħna. Iżda minn fejn eżattament il-VTOLs u inġenji oħra tal-ajru se jinqatgħu mill-art u fejn se jinżlu?
Dan l-artiklu se jsemmi xi ideat, prinċipji u disinji wiesgħa biex iwitti t-triq.
Vertiportijiet - ċentri għal VTOLs bħat-taxis tal-ajru u d-droni
Agħti ħarsa lejn id-deskrizzjoni teknika ta’ Vertiport:
“żona ta’ art, ilma, jew struttura li tintuża jew li intiża biex tintuża għall-inżul u l-qtugħ mill-art ta’ inġenju tal-ajru bil-qtugħ mill-art u l-inżul vertikali (VTOL)”.
Dan ifisser li l-vertiportijiet huma żoni dedikati li jipprovdu l-infrastruttura meħtieġa għat-trasport tal-ajru kummerċjali ta’ passiġġieri jew oġġetti li jivvjaġġaw permezz ta’ VTOL. Sabiex jinkiseb il-potenzjal kollu tal-Mobilità bl-Ajru Urbana, il-vertiportijiet jeħtieġ li jkunu aċċessibbli b’mod faċli, b’servizzi ta’ konnessjoni tajbin għal toroq, stazzjonijiet ferrovjarji, karozzi tal-linja, eċċ. Jistgħu jkunu jew fil-livell tat-triq jew fuq il-binjiet.
Trajettorji (perkorsi tat-titjira matul il-qtugħ mill-art u l-inżul)
Skont id-definizzjoni tiegħu, VTOL jista’ jinqata’ mill-art u jinżel b’mod vertikali, iżda l-parti vertikali taf tkun limitata biss għall-parti inizjali tal-qtugħ mill-art, bil-bqija tal-perkors tat-titjira jkun xi ftit jew wisq fil-baxx.
Għaldaqstant huwa importanti li jitqies il-perkors kollu tat-titjira tal-VTOL jew, fi kliem ieħor, it-trajettorja tat-titjira.
L-immaġni fuq in-naħa tax-xelluq juri, vertiport fuq bejt bi trajettorja ekoloġika “ċara”, li jfisser li VTOL jista’ jinqata’ mill-art minn dan il-vertiport mingħajr ostakli. Fuq in-naħa tal-lemin tista’ tara vertiport fil-livell tal-art, li jindika li l-istess VTOL ma jkunx jista’ jinqata’ mill-art minn hemm, peress li t-trajettorja tiegħu tkun wisq fil-baxx u għaldaqstant ikun hemm ostaklu fin-nofs. Dan ifisser li l-qtugħ mill-art hawnhekk mhuwiex possibbli għal dan l-inġenju tal-ajru bi prestazzjoni aktar baxxa.
Il-Mobilità bl-Ajru Urbana Adattabbli
L-EASA trid tipprovdi r-rekwiżiti l-aktar wiesgħa possibbli biex tiżgura li l-Mobilità bl-Ajru Urbana tkun tista’ tiġi adattata biex tappoġġa l-ambjenti urbani u t-tipi kollha ta’ VTOLs. Agħti ħarsa lejn it-tliet profili differenti ta’ qtugħ mill-art.
Qtugħ mill-art konvenzjonali elevat:
Il-VTOL jinqata’ mill-art minn punt elevat f’belt (eż. bejt ta’ bini għoli), u dan saħansitra jippermetti nżul possibbli fit-trajettorja f’każ ta’ ċerti ħsarat.
Qtugħ mill-art konvenzjonali:
Hawnhekk il-VTOL jinqata’ mill-art f’żona mingħajr l-ebda ostaklu fil-viċin. Il-vertiport jista’ jkollu wkoll runway żgħira biex jakkomoda xi rotazzjonijiet fil-bidu, b’żieda fl-effiċjenza tal-enerġija għal xi tipi u missjonijiet tal-VTOL.
Għal darb’oħra, jitħalla marġini għal inżul possibbli fit-trajettorja li hu importanti f’każ ta’ ċerti ħsarat.
Qtugħ mill-art vertikali:
Dan il-profil huwa mfassal speċifikament għall-qtugħ mill-art b’mod vertikali f’ambjent mimli ostakli, bi proporzjon kbir tat-trajettorja tal-VTOL li titwettaq b’mod vertikali.
Ukoll taħt dawn iċ-ċirkostanzi ċerti ħsarat huma maniġġabbli.
L-iżgurar ta’ qtugħ mill-art u inżul sikuri
Minbarra l-profili ta’ qtugħ mill-art t’hawn fuq, b’mod ġenerali hemm żewġ settijiet oħra ta’ objettivi li jeħtieġ jitqiesu meta tittieħed deċiżjoni dwar il-post u t-tip ta’ vertiportijiet u trajettorji tal-VTOL.
Objettivi ta’ sikurezza
- L-inġenju tal-ajru jista’ jiġi ċċertifikat f’żewġ kategoriji: Bażiku jew Imtejjeb.
- L-objettivi ta’ sikurezza l-aktar għoljin ġew stabbiliti għall-katergorija Imtejjeb, li hija mitluba għat-titjiriet fi smewwiet beżlin tal-ibliet / smewwiet urbani, jew għat-Trasport Kummerċjali bl-Ajru tal-passiġġieri (Taxis tal-Ajru).
- Il-kategorija Bażiku għandha objettivi ta’ sikurezza aktar baxxi li jiddependu mill-għadd ta’ passiġġieri (0-1, 2-6 jew 7-9) ttrasportati bil-VTOL, sabiex tiġi pprovduta proporzjonalità. Tista’ tintuża għat-trasport mhux kummerċjali bl-ajru ta’ passiġġieri, barra żoni konġestjonati bħal fil-kampanja.
Objettivi ta’ prestazzjoni
- Dawn jiddeskrivu għal kull kategorija l-kapaċità li l-VTOL għandu jkollu għat-tħaddim sikur, f’każ ta’ avvenimenti bħal ħsara fil-magna.
Kategorija Imtejjeb
Għall-VTOLs li jagħmlu użu mis-sema urbana f’żoni konġestjonati bħall-ibliet, huwa mitlub li l-VTOL ikun tajjeb biex jagħmel “titjira u nżul sikuri kontinwi” peress li nżul immedjat tal-VTOL jaf ma jkunx possibbli f’belt barra minn vertiport.
Kategorija Bażiku
Il-VTOLs li qegħdin itiru f’żoni mhux konġestjonati għandhom aktar opzjonijiet biex iwettqu nżul ta’ emerġenza kkontrollat. L-inżul jista’ jkun barra minn vertiport iżda għandu jkun ikkontrollat, b’mod simili għal dak li jista’ jikseb ħelikopter jew ajruplan f’każ ta’ telf ta’ enerġija.
Soluzzjoni f’forma ta’ lenbut għal qtugħ mill-art u nżul mingħajr ostakli
L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-prototip tal-EASA li ġew ippubblikati fl-24 ta’ Marzu 2022, juru kunċett innovattiv sabiex jiġu żgurati qtugħ mill-art u nżul mingħajr ostakli.
Żona f’forma ta’ lenbut ’il fuq mill-vertiport, imsejħa “volum mingħajr ostakli”, tiżgura li l-VTOLs ikunu jistgħu jwettqu qtugħ mill-art u nżul b’segment vertikali sinfikanti u għaldaqstant ikunu jistgħu jqisu r-restrizzjonijiet ambjentali u ta’ storbju f’ambjent urban.
Vidjo gwida komprensiv - tekniku iżda ferm interessanti
Bħala parti mill-pakkett ta’ informazzjoni tagħna għall-avveniment ta’ Rotors Ewropej f’Novembru 2021, Lionel Tauszig (il-maniġer Anzjan ta’ Ċertifikazzjoni tal-Proġett tal-EASA għall-VTOLs u l-eVTOLs) ipproduċa preżentazzjoni komprensiva ħafna f’vidjo.
Il-vidjo jkopri l-informazzjoni ewlenija miġbura fil-qosor f'dan l-artiklu u jagħti informazzjoni teknika u ddettaljata addizzjonali dwar it-trajettorji u l-vertiportijiet.
Ara l-vidjo
Jekk trid tara l-partijiet li spjegajna f’dan l-artiklu, hawn huma l-links diretti għall-punti rispettivi fil-vidjo:
- Trajettorji (minuta 0:19 - 1:35)
- Qtugħ mill-art u nżul sikuri (minuta 3:50 - 4:43)