Il-Batteriji tal-Litju fl-Avjazzjoni: It-Tisħiħ tal-Futur, u l-Ġestjoni tar-Riskji

THIS PAGE IS ALSO AVAILABLE IN:

Huwa diffiċli li wieħed jimmaġina dinja mingħajr batteriji tal-litju. Dawn iħaddmu kollox – mill-ismartphones u l-laptops tagħna sal-karozzi elettriċi – u jaħżnu l-enerġija rinnovabbli. Peress li jintużaw f’firxa wiesgħa ta’ tagħmir u applikazzjonijiet, il-batteriji tal-litju għamlu l-ħajja moderna aktar konvenjenti, iżda dawn jiġu wkoll b’riskji – speċjalment meta jittieħdu abbord inġenju tal-ajru. Kull sena, il-linji tal-ajru jirrapportaw inċidenti li jinvolvu tisħin żejjed, jew saħansitra nirien, ikkawżati minn batteriji tal-litju. Din hija preċiżament ir-raġuni għaliex jeżistu regoli stretti għall-ġarr ta’ dawn is-sorsi tal-enerġija qawwija, iżda kemxejn imprevedibbli.

Għaliex il-batteriji tal-litju huma riskju?

L-istess teknoloġija li tagħmel il-batteriji tal-litju daqstant effiċjenti tagħmilhom volatili wkoll. Jekk issirilhom ħsara, jekk jiġu ċċarġjati żżejjed, jew jiġu esposti għal sħana estrema, dawn jistgħu jidħlu f’“thermal runaway” – reazzjoni katina fejn il-batterija tisħon iżżejjed, tirrilaxxa l-gass, u potenzjalment tieħu n-nar – u tikkawża perikli għas-sigurtà. Dawn ir-reazzjonijiet diġà seħħew matul xi titjiriet, xi drabi minħabba batteriji bil-ħsara fil-mowbajls, batteriji esterni ppakkjati b’mod mhux adegwat, jew saħansitra batteriji żejda li jinħażnu f’bagalji rreġistrati.

Bħala passiġġier, jeħtieġ li tkun konxju ta’ kif timmaniġġja dawn il-batteriji meta tkun fuq titjira.

X’għandek tagħmel u m’għandekx tagħmel meta tkun fuq titjira b’batteriji tal-litju skont il-Bullettin ta’ Informazzjoni dwar is-Sigurtà tal-EASA

-             ĠORR il-batteriji żejda (inklużi l-batteriji esterni) fil-bagalji tal-kabina tiegħek minflok fil-bagalja rreġistrata tiegħek.

-             ĠORR is-sigaretti elettroniċi u l-batteriji esterni xi mkien fejn jistgħu jiġu mmonitorjati.

-             KUN ċert li l-batteriji tat-tagħmir tiegħek ikunu taħt il-100Wh (eżempji ta’ tagħmir konformi huma telefons ċellulari normali, laptops, u tablets)

-             IĊĊEKKJA mal-operatur jekk qed tippjana li ġġorr tagħmir li m’intix ċert dwar il-livell ta’ enerġija tiegħu (eż. għodod, batteriji esterni, droni), u itlob approvazzjonijiet xierqa (bejn 100 u 160Wh).

-             TIĊĊARĠJA t-tagħmir elettroniku tiegħek bl-ebda mod ħlief bil-provvista tal-enerġija tal-inġenju tal-ajru maġenb is-sedil tiegħek (TUŻAX il-batteriji esterni biex tiċċarġja t-tagħmir tiegħek abbord l-inġenju tal-ajru).

-             TINJORAX ir-regoli speċifiċi għal-linji tal-ajru - xi wħud għandhom restrizzjonijiet speċifiċi skont in-numru massimu ta’ tagħmir permess u l-klassifikazzjoni ta’ watts fis-siegħa tiegħu.

Ir-rwol dejjem jikber tal-batteriji tal-litju fl-avjazzjoni

Għalkemm il-perikli tal-batteriji tal-litju jistgħu jkunu sinifikanti għas-sigurtà tal-linji tal-ajru, dawn għandhom ukoll ħafna użu fl-industrija tal-linji tal-ajru nnifisha. Il-bdoti jużaw tablets li jaħdmu bil-batteriji tal-litju għall-ippjanar tat-titjiriet u l-inġenji tal-ajru jiddependu fuq sistemi ta’ backup tal-litju. Biż-żieda fl-e VTOLS u fl-ajruplani li jaħdmu bil-batteriji, il-kapaċità li l-batteriji tal-litju jiġu ġestiti b’mod xieraq tmur lil hinn mis-sigurtà tal-passiġġieri u tħaddan il-futur tat-titjir sostenibbli.

Grafika tal-Batteriji tal-litju

Peress li l-batteriji tal-litju qed isiru dejjem aktar essenzjali mhux biss fil-ħajja tagħna ta’ kuljum iżda wkoll fil-ġenerazzjoni li jmiss tal-avjazzjoni, issa huwa aktar importanti minn qatt qabel li dawn jiġu ttrattati b’kawtela u responsabbiltà. Għalhekk, meta terġa’ tkun fuq titjira ieqaf ftit u ċċekkja kif il-batteriji tiegħek huma ppakkjati u jekk tikkonformax mar-regoli tal-linja tal-ajru tiegħek: ftit kawtela tista’ tgħin ħafna biex l-ivvjaġġar bl-ajru jinżamm sigur.