Huwa importanti li tagħżel il-mezz it-tajjeb biex twassal messaġġ. Li tipprova tispjega kunċetti u informazzjoni kumplessi hija xjenza fiha nnifisha. Ħallat flimkien iż-żewġ intenzjonijiet u jkollok quddiemek sfida ta’ veru.
Fl-2018, l-EASA ppruvat tagħmel eżattament dan.
Dominique Roland, li dak iż-żmien kien il-Kap tal-Avjazzjoni Ġenerali (li hija l-avjazzjoni għat-trasport privat inkluż l-isport) u pilota aerobatiku hu stess, kellu ispirazzjoni għal mod kif l-informazzjoni tiġi kondiviża mal-partijiet ikkonċernati b’mod viżiv li faċli biex jinftiehem. Ġabar flimkien tim biex jiżviluppa kunċett ta’ karikatura.
Matul il-wirja tal-AERO fl-2018, l-EASA introduċiet il-karikatura msejħa “Sunny Swift – Għalliema tat-Titjir”.
Min hi Sunny Swift?
Sunny Swift hija pilota kuraġġuża ta’ 32 sena, li diġà sabet lilha nnifisha f'għadd ta’ sitwazzjonijiet tat-titjir delikati. Għandha vokazzjoni li tgħallem bħala għalliem.
Tagħti importanza kbira lis-sikurezza, u tinkoraġġixxi lill-istudenti biex jieqfu għal ftit ħin, jirriflettu u jitgħallmu dwar il-kwistjonijiet importanti tas-sikurezza.
Sunny għandha għarfien espert, iżda anke hi tagħmel xi żbalji minn żmien għall-ieħor u l-objettiv ewlieni tagħha huwa li tippreżenta l-aspetti ewlenin ta’ kwistjoni u li tiskatta diskussjoni fost il-piloti, kemm dawk ġodda kif ukoll dawk b’esperjenza.
S’issa ġew ippubblikati aktar minn 30 ħarġa.
Mit-tnedija ’l hawn ġew ippubblikati u tradotti fil-lingwi tal-UE aktar minn 30 ħarġa tal-karikatura.
Ix-xogħol kollu jsir ġewwa l-EASA, b’żewġ kollegi jagħmlu użu mill-ħiliet artistiċi tagħhom biex ipinġu l-istampi tal-karikaturi. It-traduzzjonijiet f’mhux aktar minn 24 lingwa tal-UE jsiru internament fl-EASA, bl-għajnuna tal-persunal li jivvolontarja għal dan il-kompitu, flimkien max-xogħol l-ieħor tiegħu.
Agħti ħarsa lejn il-ħarġiet li ppubblikajna s’issa fl-2021 (ikklikkja fuq kull immaġni biex tmur fuq il-ħarġa):
Jannar 2021 |
Marzu 2021 |
Mejju 2021 |
Ġunju 2021 |
Lulju 2021 |
Ottubru 2021 |
Liema suġġetti jiġu diskussi?
L-EASA tisma’ b’attenzjoni l-ħtiġijiet tal-Komunità tal-Avjazzjoni Ġenerali u tirrispondi għal aċċidenti u inċidenti rikorrenti kif ukoll għal suġġerimenti li jaslu għal suġġetti ġodda li jistgħu jiġu indirizzati minn Sunny Swift.
Minbarra s-suġġerimenti li ġejjin mill-komunità, il-persunal tal-EASA jħares lejn il-Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EPAS) għal indikaturi biex jiġi stabbilit fejn għandhom jingħataw spjegazzjonijiet addizzjonali jew gwida li faċli tifhimha.
F’format ta’ karikatura, l-istejjer iridu jkunu konċiżi, iżda fit-tmiem ta’ kull kapitolu hemm taqsima “Kontenut Relatat” b’links għal aktar informazzjoni u referenzi, għal dawk li jixtiequ jkollhom għarfien aktar profond u jitgħallmu aktar.
Jekk inti interessat(a) fl-Avjazzjoni Ġenerali, u tixtieq tagħmel skambju ta’ informazzjoni prattika ma’ piloti oħra u mal-EASA, agħti ħarsa lejn is-sit tal-Komunità tal-Avjazzjoni Ġenerali tagħna u ara inti stess x’jiġi diskuss fil-forum online.
- Sit tal-Komunità tal-Avjazzjoni Ġenerali.