L-EASA għandha rwol attiv fit-tnaqqis tal-impatt tas-settur tal-avjazzjoni fuq l-ambjent. Fil-fatt, dan ilu parti mir-responsabbiltà tagħna sa minn meta ġiet stabbilita l-Aġenzija fl-2002.
Meta nitkellmu dwar l-impatti ambjentali, forsi jgħaddilek minn moħħok it-tibdil fil-klima, u l-emissjonijiet tad-Diossidu tal-Karbonju (CO2), li tabilħaqq huma kwistjonijiet ewlenin għall-industrija. Fl-2023, l-avjazzjoni kienet responsabbli għal madwar 2.5 % tal-emissjonijiet globali tas-CO2. Ġie enfasizzat ukoll li l-emissjonijiet assoluti ilhom jiżdiedu b’mod sinifikanti, u kważi nofs l-emissjonijiet tas-CO2 tal-avjazzjoni ta’ bejn l-1940 u l-2019 seħħew bejn l-2000 u llum.
Madankollu, l-istorbju u l-kwalità tal-arja huma wkoll parti mir-responsabbiltá tal-EASA dwar il-“protezzjoni tal-ambjent”, peress li jaffettwaw is-saħħa tal-bniedem, speċjalment ta’ dawk li jgħixu qrib l-ajruporti. L-esponiment għall-istorbju tal-inġenji tal-ajru ġie marbut direttament ma’ livelli ogħla ta’ fastidju u ta’ disturbi fl-irqad. Bl-istess mod, l-emissjonijiet mill-magni tal-inġenji tal-ajru, prinċipalment l-Ossidi tan-nitroġenu (NOX) u l-materja partikolata, iħallu impatt fuq il-kwalità tal-arja madwar l-ajruporti.
L-EASA kif qed tkejjel l-impatt tal-avjazzjoni fuq l-ambjent?

Huwa biss billi jkollna stampa ċara ta’ fejn ninsabu li aħna nkunu nistgħu nimmiraw sabiex innaqqsu b’suċċess l-impatt ambjentali mill-avjazzjoni. Sabiex tinforma din id-diskussjoni, l-EASA tippubblika r-rapport ewlieni tagħha fil-forma tar-Rapport Ambjentali Ewropew dwar l-Avjazzjoni (EAER) kull 3 snin.
L-EAER jipprovdi sors ta’ informazzjoni oġġettiv, ċar u preċiż dwar il-prestazzjoni ambjentali tal-passat u dik imbassra tas-settur tal-avjazzjoni fil-livell Ewropew, kif ukoll informazzjoni dwar miżuri ta’ mitigazzjoni li għandhom l-għan li jindirizzaw dawn l-impatti (it-Teknoloġija / id-Disinn, l-Operazzjonijiet tal-Inġenji tal-Ajru, il-Fjuwils tal-Avjazzjoni Sostenibbli, il-Miżuri Bbażati fuq is-Suq, l-Ajruporti u l-Kooperazzjoni Internazzjonali). Din l-informazzjoni terġa’ tiddaħħal fid-diskussjonijiet ta’ politika dwar kif miexja l-Ewropa fil-progress tagħha lejn l-għanijiet ambjentali tagħha.
Ir-Rapport Ambjentali Ewropew dwar l-Avjazzjoni
![]() Liema hija l-prestazzjoni ambjentali tas-settur Ewropew tal-avjazzjoni? |
![]() Kif tista’ tevolvi l-prestazzjoni tas-settur fil-futur? |
![]() Liema miżuri qed inaqqsu t-tibdil fil-klima, l-istorbju u l-impatti fuq il-kwalità tal-arja? |
![]() Kif jista’ s-settur ikompli jtejjeb il-livell tiegħu ta’ protezzjoni ambjentali? |
L-aħjar u l-aktar data u għodod ta’ valutazzjoni reċenti disponibbli jintużaw fl-iżvilupp tal-EAER, u huma bbażati fuq informazzjoni mill-EASA u minn organizzazzjonijiet sħab oħra inklużi l-Kummissjoni Ewropea, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, il-Eurostat, il-EUROCONTROL u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO).
L-EASA kif qed tappoġġa d-diskussjonijiet u t-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar kif jitnaqqas l-impatt tal-avjazzjoni fuq l-ambjent?
L-istess data u għodod ta’ valutazzjoni użati għall-EAER huma wkoll ta’ għajnuna fil-valutazzjoni tal-kostijiet u tal-benefiċċji potenzjali tal-għażliet ta’ mitigazzjoni, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak globali tal-ICAO. L-EASA qed taħdem mill-qrib mal-organizzazzjonijiet sħab biex tiżviluppa u żżomm kapaċitajiet ewlenin ta’ mmudellar li jistgħu jinfurmaw id-diskussjonijiet u t-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-aktar mod effettiv biex jittaffew dawn l-impatti ambjentali.
Pereżempju, AERO-MS tal-EASA hija għodda li tista’ teżamina l-impatti ta’ politiki differenti maħsuba biex inaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-avjazzjoni, inklużi miżuri teknoloġiċi, operazzjonali u bbażati fuq is-suq.
Għall-immudellar tal-istorbju, l-EASA tuża s-Sistema għall-Istudji dwar l-Esponiment għall-Istorbju tal-Ajruport (STAPES - SysTem for AirPort noise Exposure Studies), li hija kapaċi tikkalkula l-kontorni tal-istorbju tal-ajruporti u l-għadd ta’ persuni esposti għal livelli differenti ta’ storbju f’madwar 100 ajruport Ewropew ewlieni.
Riċerka Xjentifika: emissjonijiet mhux tas-CO2
Fehim ulterjuri tax-xjenza wara l-impatti ambjentali tal-avjazzjoni huwa punt ta’ bidu ewlieni biex tingħata gwida ċara dwar il-prijoritajiet li għandhom jiġu indirizzati.
Eżempju wieħed bħal dan jinkludi l-bżonn li jitnaqqsu l-impatti klimatiċi ġenerali tal-avjazzjoni, billi jitqiesu kemm l-emissjonijiet tas-CO2 kif ukoll dawk mhux tas-CO2. L-impatt minn emissjonijiet mhux tas-CO2, bħall-Ossidi tan-Nitroġenu (NOX), il-Materja Partikolata (nugrufun), l-Ossidi tal-Kubrit (SOX) u l-fwar tal-ilma, għadu mhux mifhum għalkollox, iżda huwa kkunsidrat li għandu effett ta’ tisħin b’mod globali. 
Bħalissa l-EASA qed taħdem permezz tan-Network ta’ Esperti tal-Avjazzjoni Mhux tas-CO2 (ANCEN) biex ittejjeb l-għarfien dwar dan is-suġġett u biex tiffaċilita l-koordinazzjoni f’firxa wiesgħa ta’ gruppi ta’ partijiet ikkonċernati.
L-objettiv tan-Network huwa li jipprovdi appoġġ tekniku kredibbli li jkun jista’ jinforma d-diskussjonijiet u t-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-aktar modi effettivi biex jiġi indirizzat dan is-suġġett ta’ sfida.
Tixtieq tkun taf aktar? Aqra aktar dwar l-Ambjent fuq EASA Pro (disponibbli biss bl-Ingliż)



