Il-ġestjoni tal-impatt tat-tibdil fil-klima fuq l-avjazzjoni

THIS PAGE IS ALSO AVAILABLE IN:

Waħda mill-missjonijiet ewlenin tal-EASA hija li tikseb livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali fil-qasam tal-avjazzjoni, u dan jinkludi t-tnaqqis tal-impatt tas-settur tal-avjazzjoni fuq il-klima.  
Bħala konsegwenza tal-kriżi klimatika, it-tibdil fil-klima qed ikollu impatt ukoll fuq l-avjazzjoni, b’okkorrenzi dejjem akbar ta’ avvenimenti severi tat-temp li jirriżultaw li t-traffiku tal-ajru huwa dejjem aktar espost għall-perikli tat-temp.  
Iż-żamma ta’ livell għoli ta’ sikurezza għall-passiġġieri u għall-professjonisti tal-avjazzjoni hija ta’ importanza kbira. Huwa għalhekk li l-adattament tal-avjazzjoni għat-tibdil fil-klima huwa parti mill-prijoritajiet tal-EASA. 

It-tibdil fil-klima kif jista’ jkollu impatt fuq is-sikurezza tal-avjazzjoni?

Ajruport mgħarraqFir-rapport Tibdil fil-Klima 2021 - Il-Bażi tax-Xjenza Fiżika, il-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) jispjega li kull żieda fit-temperatura medja globali tal-wiċċ tal-arja tkabbar l-impatti ta’ avvenimenti severi tat-temp, bħal maltempati, uragani, mewġiet ta’ sħana, preċipitazzjoni qawwija, għargħar, nixfiet, eċċ.     
Tali avvenimenti severi tat-temp huma sorsi ta’ perikli (maltempati ta’ silġ, sajjetti, għargħar f’runways, gradjent tar-riħ ta’ altitudni baxxa, eċċ.). Barra minn hekk, ix-xogħlijiet ta’ riċerka jindikaw li t-tibdil fil-klima jista’ jżid ukoll l-esponiment tal-avjazzjoni għal turbolenza f’ajru ħieles, għalkemm dan il-periklu mhuwiex relatat ma’ avvenimenti severi tat-temp.

Dawn il-perikli jistgħu jaffettwaw pereżempju:

  • l-operazzjonijiet ta’ titjir;
  • l-ajrunavigabbiltà tal-inġenji tal-ajru (fil-qosor, l-abbiltà ta’ titjir b’mod sikur) u l-prestazzjoni;
  • l-affidabbiltà u l-prestazzjoni tat-tagħmir tal-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru u tas-Servizzi ta’ Navigazzjoni bl-Ajru u s-servizzi ta’ sikurezza tal-ajruporti, li jistgħu jitnaqqsu jekk dawn isiru aktar esposti għal kundizzjonijiet ta’ temp mhux previsti.

Stħarriġiet li saru minn organizzazzjonijiet internazzjonali differenti, bħall-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), l-Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija (WMO) u l-EUROCONTROL juru li ħafna kumpaniji fis-settur tal-avjazzjoni qed jantiċipaw jew diġà qed jesperjenzaw effetti tat-tibdil fil-klima fuq l-attivitajiet tagħhom.

Il-ħidma tal-EASA biex tgħin lill-avjazzjoni tadatta għat-tibdil fil-klima

Fl-2021, l-EASA kkonkludiet li l-għarfien xjentifiku meħtieġ għall-valutazzjoni tar-riskji kkawżati mit-tibdil fil-klima spiss ma kienx aċċessibbli għall-partijiet ikkonċernati tal-avjazzjoni, u li biex tingħalaq din il-lakuna fl-għarfien, kien meħtieġ li jitlaqqgħu flimkien ix-xjenzjati u l-esperti tal-avjazzjoni.

Imbagħad, fl-2022, l-EASA nediet task force taħt il-gwida tal-Kumitat Xjentifiku tagħha biex tirrieżamina u tiġbor fil-qosor ix-xogħlijiet xjentifiċi fuq ix-xejriet ta’ periklu tat-temp fil-passat u fil-futur.  

Il-parteċipanti tal-laqgħa ta’ tnedija tan-Network Ewropew dwar l-Impatt tat-Tibdil fil-Klima fuq l-Avjazzjoni fis-sala tal-kwartieri ġenerali tal-EASABarra minn hekk, fl-2023, l-EASA bdiet in-Network Ewropew dwar l-Impatt tat-Tibdil fil-Klima fuq l-Avjazzjoni (EN-ICCA), network kbir ta’ esperti mill-industrija tal-avjazzjoni, l-awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni, l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka u s-servizzi meteoroloġiċi nazzjonali. Dan in-network jappoġġa: lill-partijiet ikkonċernati tal-avjazzjoni fit-tħejjija aħjar għall-effetti tat-tibdil fil-klima fuq is-sikurezza; u lix-xjenzati fl-identifikazzjoni tal-prijoritajiet tar-riċerka rigward l-impatt tat-tibdil fil-klima għas-settur tal-avjazzjoni.

Il-valutazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet prodotti mill-Kumitat Xjentifiku tal-EASA u mill-EN-ICCA se jgħinu lis-settur tal-avjazzjoni u lill-EASA biex jiġġestixxu bl-aħjar mod l-impatt tat-tibdil fil-klima u jżommu livell għoli ta’ sikurezza fl-avjazzjoni.

L-adattament għat-tibdil fil-klima huwa prijorità strateġika għall-UE

Fil-livell tal-Unjoni Ewropea (UE), il-Kummissjoni Ewropea adottat l-“Istrateġija tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima” fl-2021. Barra minn hekk, l-hekk imsejħa “Liġi Ewropea dwar il-Klima” tirrikjedi li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri “jiżguraw progress kontinwu fit-titjib tal-kapaċità adattiva, fit-tisħiħ tar-reżiljenza u fit-tnaqqis tal-vulnerabbiltà għat-tibdil fil-klima”.

Żomm lilek innifsek infurmat – segwi l-EASA Light

L-EASA se tikkondividi l-aktar informazzjoni reċenti dwar is-sostenibbiltà u l-protezzjoni ambjentali fl-avjazzjoni. Oħloq kont u segwina fuq EASA Light biex iżżomm lilek innifsek aġġornat!