Insawru l-futur tal-avjazzjoni permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni

Ġewwa l-proġetti ta’ riċerka tal-EASA

THIS PAGE IS ALSO AVAILABLE IN:

L-industrija tal-avjazzjoni qed tevolvi kontinwament biex tirrispondi għall-avvanzi teknoloġiċi, ittaffi r-riskji u fatturi oħra li jinfluwenzaw it-titjir. L-isforzi fir-rigward tar-riċerka u l-innovazzjoni (R&I) imorru lil hinn minn inġenji tal-ajru aktar ġodda u aktar moderni. Jistgħu jikkonċernaw l-esperjenza tal-passiġġieri (pereżempju, il-konklużjoni li huwa sikur li jiġi permess l-użu tal-mowbajls matul titjira kummerċjali), rekwiżiti tas-sikurezza mtejba, avjazzjoni aktar sostenibbli, l-użu ta’ teknoloġiji ġodda bħall-Intelliġenza Artifiċjali u ħafna aktar.

F’konformità mal-missjonijiet tagħha ta’ sikurezza u protezzjoni ambjentali, l-EASA tappoġġa u trawwem ir-riċerka u l-innovazzjoni biex tibqa’ fuq quddiem nett fl-iżviluppi kunċettwali u teknoloġiċi u jkollha rwol ewlieni fir-riċerka u l-innovazzjoni. Dan jinkludi:

  • it-tnedija u l-finanzjament ta’ proġetti ta’ riċerka
  • iż-żamma ta’ rabtiet mal-akkademja u l-istituzzjonijiet li jistgħu jappoġġaw lill-Aġenzija biex tiffaċċja sfidi ġodda u t-trasformazzjonijiet li jġibu magħhom.

Huwa importanti li l-EASA tkun parti integrali mill-iżviluppi teknoloġiċi mill-bidu nett sabiex tiżgura livell għoli ta’ sikurezza u tappoġġa t-tkabbir tal-industrija Ewropea. 

Suġġetti tar-riċerka tal-EASA

Is-Saħħa Eż. Il-limitazzjoni fuq il-ħin tat-titjir, il-miżuri tal-pandemija
L-Ambjent Eż. It-titjir isir aktar sostenibbli, inqas storbjuż
Iċ-(Ċiber) Sigurtà Eż. Il-ġlieda kontra kwalunkwe tip ta’ theddid
Id-Diġitalizzazzjoni Eż. It-titjib tas-servizzi u l-proċessi
It-Teknoloġiji Ġodda Eż. Propulsjoni elettrika jew bl-idroġenu għall-inġenji tal-ajru, materjali ġodda għall-komponenti tal-inġenji tal-ajru, vetturi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ

Ara l-proġetti ta’ riċerka tal-EASA tal-passat u li għadhom għaddejjin fuq EASA Pro: Proġetti ta’ Riċerka | EASA

L-EASA tippubblika r-riżultati tal-proġetti ta’ riċerka tagħha (bħal rapporti, reġistrazzjonijiet ta’ webinars, eċċ) sabiex dawk li huma interessati jkunu jistgħu jibbenefikaw minn dan l-għarfien!

L-Aġenda ta’ Riċerka tal-Awtoritajiet tal-Avjazzjoni

L-ippjanar strateġiku tar-riċerka huwa essenzjali biex jiġi żgurat li l-industrija u l-awtoritajiet tal-avjazzjoni Ewropej ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-isfidi l-ġodda fl-avjazzjoni ċivili u jikkontribwixxu għalihom. L-esperti tal-EASA, l-Industrija u l-Istati Membri jistgħu jipproponu suġġetti komuni ta’ riċerka, li kull sena jiġu prijoritizzati u vvalutati skont l-objettivi strateġiċi tal-Aġenzija għar-Riċerka u l-Innovazzjoni. Ladarba jintlaħaq qbil, is-suġġetti magħżula jsiru l-Aġenda ta’ Riċerka annwali tal-Awtoritajiet tal-Avjazzjoni, li għandha ċiklu ta’ ppjanar ta’ tliet snin. L-Aġenzija mbagħad tipprova tikseb finanzjament għal dawn is-suġġetti. Ir-riċerka fl-EASA tista’ tiġi ffinanzjata permezz ta’ programmi ta’ finanzjament tal-UE (bħal Orizzont 2020 u Orizzont Ewropa), kif ukoll permezz ta’ sħubijiet eżistenti bejn is-settur privat u dak pubbliku (bħal SESAR & l-Impriża Konġunta tal-Avjazzjoni Nadifa).

Ir-Riċerka u l-Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni

Dawk il-proġetti ta’ riċerka li jirċievu finanzjament huma inklużi fil-Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EPAS), li jiddefinixxi l-prijoritajiet strateġiċi u r-riskji ewlenin li jaffettwaw l-avjazzjoni Ewropea u jipproponi azzjonijiet biex jittaffew dawk ir-riskji u biex tkompli tittejjeb is-sikurezza tal-avjazzjoni. Aqra aktar dwar l-EPAS: Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni | EASA

Il-mod kif l-EASA qed tappoġġa l-innovazzjoni li ġejja mill-industrija

L-EASA toffri Servizzi ta’ Innovazzjoni lill-industrija Ewropea għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda. L-idea ewlenija hija li tgħin biex jiġu introdotti soluzzjonijiet innovattivi fis-suq billi tipprovdi pariri tekniċi qabel jew matul proċedura ta’ ċertifikazzjoni u qafas regolatorju li jippermetti lill-industrija tiżviluppa prodotti sikuri u innovattivi.

Aqra aktar dwar is-Servizzi ta’ Innovazzjoni: Servizzi ta’ Innovazzjoni | EASA